Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Jonathan Attard minn akkuża li kien involontarjament ikkawża ġrieħi ħfief f’inċident tat-traffiku fiż-Żejtun, wara li l-allegata vittma naqset milli tidher biex tixhed quddiem il-Qorti.
Attard, ta’ 45 sena, resident iż-Żejtun, kien mixli li fil-11 ta’ Ġunju 2024 bejn it-8.00am u t-8.30am, fi Triq Alfredo Cachia, iż-Żejtun, waqt li kien qed isuq vettura, b’nuqqas ta’ ħsieb, traskuraġni jew nuqqas ta’ ħila, ikkawża ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq Joan Zammit, kif allegatament iċċertifikat minn Dr Martina Vella tal-Isptar Mater Dei.
Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll li, f’każ ta’ ħtija, l-imputat jiġi skwalifikat mil-liċenzji kollha tas-sewqan u li jitnaqqsulu l-punti mil-liċenzja skont il-liġi. Mill-atti jirriżulta li l-imputat għażel li ma jixhidx. Madankollu, il-Qorti nnutat li l-kwerelanta ma dehritx quddiemha biex tagħti x-xhieda tagħha, minkejja li l-imputat kien preżenti għas-seduta.
Il-Qorti għamlet referenza għall-artikolu 374(d) tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jipprevedi li f’dawn iċ-ċirkostanzi ma hemmx lok għal differiment tal-kawża. Meta qieset in-nuqqas ta’ xhieda diretta mill-persuna allegatament aggravata u n-nuqqas ta’ provi oħra li jissapportjaw l-allegazzjoni, il-Qorti kkonkludiet li l-imputazzjoni ma ġietx ippruvata skont il-livell meħtieġ mil-liġi.
Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Jonathan Attard mhux ħati tal-akkuża miġjuba fil-konfront tiegħu u lliberatu minn kull ħtija u piena.
//= $special ?>

