Il-Kummissjoni Elettorali tal-Kumitat Olimpiku Malti se tkun qed tiltaqa’ matul din il-ġimgħa biex tevalwa l-kandidatura ta’ dawk li xeħtu isimhom bħala kandidati għall-karigi ta’ Segretarju Ġenerali u Direttur. Il-perjodu tan-nomini għal dawn il-karigi intemm nhar il-Ħadd li għada u l-elezzjonijiet rispettivi huma skedati għal nhar il-25 ta’ Marzu li ġej.
F’ordni alfabetika l-kandidati li se jkunu qed jikkontestaw għall-kariga ta’ Segregarju Ġenerali tal-KOM huma, Joe Cassar, Sue Mercieca u Jean Claude Micallef, filwaqt li Daniel Tabone u John Vella qed jikkontestaw għall-kariga ta’ Direttur tal-KOM. Id-delegati minn 43 federazzjoni se jivvutaw wara li l-Kummissjoni tivverifika n-nomini kollha skont kriterji ta’ integrità, kondotta u eliġibbiltà.
Cassar iġib miegħu esperjenza vasta, billi serva bħala segretarju ġenerali għal 28 sena bejn l-1993 u l-2021. Mercieca, eks Direttur tal-KOM, mexxiet il-Kummissjoni Legali u kkoordinat ir-relazzjonijiet ta’ finanzjament mal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, kif ukoll serviet fil-Bord Dixxiplinari tal-Anti-Doping ta’ Malta.
Micallef, li bħalissa huwa attiv fl-amministrazzjoni sportiva, serva qabel bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti u huwa persuna li dejjem tkellem u eprsima l-entużjażmu tiegħu lejn l-iżvilupp tal-isport lokali.
Għall-kariga ta’ direttur, Tabone, president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball, u Vella, eks president tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon, it-tnejn għandhom esperjenza fit-tmexxija u rekord ta’ promozzjoni tal-iżvilupp taż-żgħażagħ fl-isport rispettiv tagħhom.
//= $special ?>

