Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, sabet lil Martin Traykovikj ħati ta’ sewqan mingħajr liċenzja valida u li kkawża inċident b’negliġenza f’ħabta li wassal għal ġrieħi ħfief, u imponiet fuqu multa ta’ €600, sospensjoni tal-liċenzja għal sitt xhur u tnaqqis ta’ sitt punti.
L-akkużat, ta’ 28 sena u residenti ż-Żejtun, kien mixli li fis-17 ta’ Jannar 2024, għall-ħabta tal-4.15pm, fi Triq Attard Ħ’Attard, waqt li kien qed isuq vettura mingħajr liċenzja valida, ikkaġuna ħsara jew nar jew dannu bi ksur tar-regolamenti, u kkaġuna ġrieħi involontarji ta’ natura ħafifa fuq Ena Laudi. Huwa kien akkużat ukoll li għamel użu minn dokument iffalsifikat, akkuża li l-Qorti finalment ma sabithiex ippruvata.
Mill-provi rriżulta li waqt il-manuvra inkwistjoni l-akkużat daħal fuq in-naħa l-ħażina tat-triq u kkawża ħabta frontali mal-vettura misjuqa minn Anais Agius. Fix-xhieda tagħha, Agius spjegat li kienet qed issuq minn Ħ’Attard fid-direzzjoni ta’ Ħaż-Żebbuġ, lejn ir-roundabout qrib l-iskola ta’ St Dorothy’s, meta rat vettura ġejja quddiemha li f’daqqa waħda daħlet fuq in-naħa tagħha tat-triq u ħabtet magħha. Hija identifikat lill-akkużat fl-awla bħala s-sewwieq tal-vettura l-oħra.
Agius qalet li sofriet ġrieħi ħfief, filwaqt li bintha Ena Laudi wkoll ġiet iċċertifikata bi ġrieħi ta’ natura ħafifa mit-tabib Dr Russell Bonnici Farrugia. Il-vettura tagħha ġiet iddikjarata total loss mill-assigurazzjoni u ġiet ikkumpensata mill-assigurazzjoni tal-akkużat.
Il-Qorti nnutat li l-akkużat għażel li ma jixhidx. Mill-affidavits ippreżentati mill-Pulizija u mix-xhieda mediċi rriżulta wkoll li fil-ħin tal-inċident il-permess tas-sewqan ippreżentat mill-akkużat kien skada, u għaldaqstant is-sewqan tiegħu kien illegali.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti kkonkludiet li l-provi kienu biżżejjed biex jistabbilixxu l-ewwel, it-tieni u t-tielet akkuża, jiġifieri s-sewqan mingħajr liċenzja valida, il-kawża ta’ dannu permezz ta’ negliġenza u l-kawża ta’ ġrieħi ħfief involontarji.
Madankollu, fir-rigward tar-raba’ akkuża dwar allegat falsifikazzjoni ta’ dokument, il-Qorti osservat li ma tressqitx prova esperta biżżejjed biex jiġi ppruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li d-dokument kien iffalsifikat, u għalhekk illiberatu minn din l-akkuża.
Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Martin Traykovikj ħati tal-ewwel tliet akkużi u kkundannatu kollettivament għal multa ta’ sitt mitt ewro, skwalifika milli jżomm jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal sitt xhur u tnaqqis ta’ sitt punti mil-liċenzja tiegħu, skont il-liġi.
//= $special ?>

