Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lill-OLandiż – Wouter Van Dijk minn akkuża li kkaġuna ġrieħi gravi involontarji f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Wied, is-Siġġiewi, wara li kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
L-imputat, ta’ 42 sena u residenti ż-Żurrieq, kien mixli li fis-26 ta’ Ġunju 2024 għall-ħabta tat-3.35pm, waqt li kien qed isuq vettura, b’nuqqas ta’ ħsieb jew traskuraġni kkaġuna ġrieħi gravi fuq Kylie-Marie Grima, kif allegatament iċċertifika Dr James Sammut tal-Isptar Mater Dei.
Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll li, f’każ ta’ ħtija, l-imputat jiġi skwalifikat mil-liċenzji kollha tas-sewqan u li jitnaqqsulu l-punti mil-liċenzja. Fix-xhieda tagħha, il-vittma qalet li kienet qed timxi ma’ grupp ta’ ħbieb fil-kampanja bejn is-Siġġiewi u ż-Żurrieq, u li waqt li kienu għaddejjin minn kurva fit-triq iddeċidew jaqsmu.
Hija sostniet li wara li qasmet in-naħa l-oħra tat-triq, il-vettura tilfet il-kontroll u laqtitha, u rriżulta li sofriet ksur fl-għadma ta’ spalltha u ġrieħi oħra. Madankollu, xhieda oħra preżenti fuq il-post taw verżjonijiet mhux ċari jew qalu li ma rawx l-inċident iseħħ. Żewġ xhieda kienu diversi metri ’l bogħod u ma raw xejn, filwaqt li oħrajn ammettew li ma rawx il-vettura qabel qasmu minħabba l-kurva fit-triq.
Il-Qorti nnutat ukoll li d-data msemmija mill-vittma fix-xhieda tagħha ma kinitx taqbel mad-data indikata fl-att tal-akkuża u fl-affidavits tal-pulizija. Barra minn hekk, ebda xhud ma identifika b’mod ċar lill-imputat bħala s-sewwieq tal-vettura fil-mument tal-inċident.
Fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet u l-inkonsistenzi, il-Qorti kkonkludiet li l-livell ta’ prova meħtieġ fil-kawżi kriminali – dak ta’ prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli – ma ntlaħaqx.
Għaldaqstant, fis-sentenza mogħtija, l-Qorti sabet lil Wouter Van Dijk mhux ħati tal-akkuża miġjuba fil-konfront tiegħu u lliberatu minn kull ħtija u piena.
//= $special ?>

