Opinjoni

Opinjoni: ’Il quddiem b’alternattiva

Alex Borg wera li l-PN, kif ngħidu bl-Ingliż ‘means business’, għax fost diversi aspetti li indirizza fl-intervent tiegħu, wera li Gvern ġdid immexxi minnu se jiġġieled kontra l-problema akuta tat-traffiku

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Fi tmiem il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista mtellgħa fi tmiem il-ġimgħa li għadda, il-Kap tal-PN Alex Borg wera li l-Partit Nazzjonalista, kif ngħidu bl-Ingliż ‘means business’, għax fost diversi aspetti li indirizza fl-intervent tiegħu, wera li Gvern ġdid immexxi minnu se jiġġieled kontra l-problema akuta tat-traffiku li ħakmet lil pajjiżna.
B’hekk mela, nistgħu ngħidu li l-Partit Nazzjonalista jrid isib is-soluzzjonijiet biex nimxu ’l quddiem, mhux bid-diskors bħalma tipikament jagħmel il-Gvern imma b’alternattiva. Fil-fatt, hu kkommetta ruħu li Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista, fl-ewwel 100 jum tiegħu jibda jaħdem fuq proġett tat-trasport tal-massa modern u effiċjenti, u dan il-proġett jibda jagħti servizz sa tmiem il-leġiżlatura.
Apparti dan il-proġett tant meħtieġ għall-pajjiżna, b’mod aktar immedjat jiddaħħlu sistemi ta’ ‘smart parking’ (jiġifieri l-parkeġġi jkunu indikati fuq app jew inkella fuq monitors apposta), ‘parking logistics hub’ u ‘decentralized parking hubs’ (parkings addattati u ċentrali għall-ipparkjar ta’ vetturi kbar jew dawk tal-merkanzija), u mmaniġjar aħjar tal-‘junctions’ ewlenin tal-pajjiż fost l-oħrajn.
Il-Labour mill-ewwel ħareġ jattakka l-idea tal-Partit Nazzjonalista u ried jagħti l-impressjoni li Alex Borg irid iwettaq dan il-proġett fl-ewwel 100 jum tiegħu, ‘spin’ tipika, għaliex hu spjega b’mod ċar li l-proġett jara l-bidu tiegħu fl-ewwel 100 jum u jibda joffri s-servizz fi żmien ħames snin.
Huwa ironiku kif il-Partit Laburista jrid jirredikola idea daqstant meħtieġa għal pajjiżna meta kien hu stess li ħareġ bil-wegħda tal-metro li baqgħet qatt ma bdiet tiġi pjanata għax kienet biss propoganda fqira tal-Labour qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Aktar minn hekk, illum għandna Ministru responsabbli mit-trasport li qal pubblikament (f’intervista li ta lit-Times f’Settembru tal-2024) li ma jemminx fil-metro li kien wiegħed il-Gvern tiegħu stess. Intant, kien l-istess Gvern Laburista li nefaq aktar minn nofs miljun ewro fi promozzjoni ta’ wegħda li ma kienx jemmen fiha.
Tajjeb li ngħidu wkoll, li sa mill-ewwel ftit ġimgħat tal-inkarigu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg kien lest li jingħaqad mal-Gvern fuq din il-kwistjoni tant nazzjonali tant li talab li ż-żewġ partiti jsibu konsensus nazzjonali fuq it-trasport tal-massa bi ftehim li jorbothom flimkien sakemm jitlesta. Il-Gvern ta’ Abela, baqa’ qatt ma laqa’ din it-talba. Ikun xieraq ukoll li nagħti ftit statistika dwar it-traffiku u l-problema tiegħu f’pajjiżna biex nifhmu l-impatt tat-traffiku u biex nifhmu wkoll kemm pajjiżna issa jrid jieħu deċiżjoni għall-futur darba għal dejjem.

Irridu nnaqqsu l-emmissjonijiet
Fil-fatt, huwa stmat li 91.4% tal-Maltin huma kompletament dipendenti fuq il-karozza privata tagħhom (u għalkemm din hija ġustifikata għaliex aħna bħala poplu dejjem konna indipendenti fl-ivvjaġġar) hija statistika li għal-lum qed issir problematika. Dan jikkonferma allura li l-maġġoranza assoluta ma għandhomx fiduċja fit-trasport pubbliku li qiegħed litteralment għall-barranin u sussidjat mill-Maltin.
Ovvjament, dan iġib problema serja ta’ traffiku mingħajr ebda pjan. Malta għandha waħda mill-akbar densità ta’ toroq: 762Km ta’ toroq għal pajjiż ta’ 100km². It-traffiku jiswa lil Malta €770 miljun fis-sena u huwa stmat li jlaħħaq għal-€917 miljun fl-2030.
B’mod aktar indirett imma, it-traffiku qed jaffettwa anke l-ambjent li ngħixu fih. Jidher li 69% tal-Maltin iħossu li l-arja ta’ Malta hija ħażina, bi 8% biss jgħidu li hija tajba. L-arja qed taffettwa lill-Maltin u lil saħħithom u l-Gvern donnu mhux inkwetat biżżejjed. Kważi 162,000 persuna tgħid li tgħix f’ambjent maħmuġ, u dan in-numru qiegħed dejjem jiżdied. Il-kawża ewlenija ta’ dan huwa t-traffiku.
Mela, irridu nnaqqsu l-emmissjonijiet billi nimplimentaw sistema ta’ trasport tal-massa, billi nsaħħu t-trasport pubbliku li jaħdem bl-elettriku fost miżura oħra li jmorru lil hinn mit-trasport innifsu.
Statistika relatata wkoll hija dik marbuta mal-istorbju, jew aħjar kif nafuha ‘noise pollution’. Kważi 1 minn 3 residenti f’Malta (mela qrib 145,000) jirrapporta li jgħix f’ambjent storbjuż, u dan fl-2023, żieda sostanzjali fuq is-sena ta’ qabel. In-‘noise pollution’ qed jaffettwa lil kulħadd, u kważi sirna naċċettaw li ngħixu fl-istorbju kawżat mit-traffiku kostanti (u fatturi oħra bħall-kostruzzjoni).

Alternattiva reali u futurista
Huwa evidenti li l-Gvern mhux kommess jindirizza din il-problema, imma minflok irid jirredikola lill-Partit Nazzjonalista li qed jikkommetti ruħu għas-soluzzjoni. Ma tista’ tinstab ebda soluzzjoni jekk ma jkunx hemm viżjoni, u l-Partit Nazzjonalista issa qed jikkommetti ruħu li jaqbad il-barri minn qrunu u joffru t-triq ’il quddiem b’alternattiva reali u futurista.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 25 ta’ Frar, 2026.