Lokali Qorti

Sentenzi sospiżi wara argument f’San Ġiljan

Żewġ turisti Olandiżi li kienu f’relazzjoni għal ħames xhur ngħataw sentenzi ta’ priġunerja sospiża wara li ammettew li kienu aggredew lil xulxin waqt argument kaġun tal-alkoħol f’San Ġiljan. L-akkużati kienu ilhom Malta mid-19 ta’ Frar u ġew imressqa l-Qorti wara inċident li seħħ madwar is-5 ta’ filgħodu nhar it-Tlieta fi Triq il-Knisja, San Ġiljan.

Il-pulizija ġew infurmati dwar argument li allegatament beda ġewwa appartament u kompla fit-triq. It-tnejn ġew meħuda l-Isptar Mater Dei għall-kura u aktar tard arrestati. Joa-J’aime Beau Peter Joaquin José Marti, 22 sena, li jaħdem bħala mechanic, ġie akkużat li ġiegħel lit-tfajla tiegħu Angelina Maria Erika Angelique Rouw biex tibża’ li tiġi użata vjolenza kontrih, uża forza kontrha, ikkawżalha ġrieħi ħfief, kiser il-paċi pubblika, kien fis-sakra u ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, li nsulentaha jew heddidha.

Il-Qorti saret taf li l-mara allegattament ġiet imbuttata mit-taraġ għal isfel u ġarrbet ġrieħi ħfief. L-argument seħħ waqt li t-tnejn kienu f’sakra qawwija. Rappreżentat mill-avukat tal-għajnuna legali Axel Camilleri, Marti ammetta għal darba, darbtejn l-akkużi miġjubin kontrih. Id-difiża enfasizzat l-età żgħira tiegħu, in-natura reċiproka tal-ġlieda u l-ammissjoni bikrija tiegħu.

Hu ngħata sentenza ta’ 18-il xahar priġunerija, sospiża għal tliet snin. Fi proċeduri separati, Angelina Maria Erika Angelique Rouw, 20 sena, li bħalissa hija bla xogħol, ġiet akkużata li użat forza kontra s-sieħeb tagħha u kkawżatlu ġrieħi ħfief, kisret il-paċi pubblika, kienet fis-sakra u ma setgħet tieħu ħsiebha stess, u kkaġunat ħsara fin-nuċċali tiegħu.

Rappreżentata mill-avukat tal-għajnuna legali Sarah Celiberti, hi wkoll qablet u kkonfermat l-ammissjoni tagħha. Hi ngħatat sentenza ta’ 12-il xahar priġunerija, sospiża għal sentejn.

Il-prosekuzzjoni f’dawn il-każijiet kollha kienet immexxija mill-Ispettur Christian Cauchi, u l-qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil.