Lokali Qorti

Appell Milqugħ: Illiberat fuq każ ta’ skart f’Tas-Sliema

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, laqgħet l-appell ta’ Paul Zammit u rrevokat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabitu ħati li naqas milli jżomm fond fi stat nadif fi Triq Stella Maris, Tas-Sliema.

Zammit kien instab ħati fl-10 ta’ April 2025 u ġie mmultat €200, kif ukoll ordnat ineħħi l-iskart mill-fond fi żmien erba’ xhur. Huwa appella mis-sentenza, sostna li ma kien hemm l-ebda prova li kien hu l-pussessur jew sid tal-fond fil-perjodu indikat fl-akkuża, u li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova r-responsabbiltà tiegħu lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell osservat li l-ewwel Qorti ma setgħetx legalment tibbaża ruħha fuq dak li qalu l-ko-akkuzati tal-appellant, fosthom ħutu, peress li l-proċeduri kontrihom ma kinux għadhom ġew deċiżi b’mod definittiv.

Il-Qorti fakkret fil-prinċipju stabbilit fil-Kodiċi Kriminali li konfessjoni jew dikjarazzjoni ta’ akkużat tista’ tintuża biss kontra min jagħmilha u mhux kontra ko-akkuzati oħra, sakemm il-każ tagħhom ma jkunx għadda in ġudikat.

Meta analizzat il-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni, il-Qorti sabet li dawn kienu nieqsa minn elementi essenzjali. Ix-xhieda tal-Environmental Health Officer u tal-uffiċjali tal-Pulizija kkonfermaw li meta saru l-ispezzjonijiet, kien John Zammit li fetaħ il-fond u ta aċċess lill-awtoritajiet. L-appellant qatt ma kien preżenti waqt dawn l-ispezzjonijiet u ma rriżultat ebda prova li kien hu l-pussessur jew sid tal-proprjetà fil-perjodu rilevanti.

Il-Qorti rrilevat ukoll li ma kien hemm l-ebda prova ċara dwar meta eżattament seħħ l-allegat akkumulu ta’ ħmieġ, u li l-akkuża kienet tirreferi għal data li ma kinitx koperta minn provi konkreti. Fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-Prosekuzzjoni waqfet ferm ‘il bogħod milli tipprova l-każ tagħha sal-grad meħtieġ mil-liġi. Għaldaqstant, laqgħet l-appell, irrevokat is-sentenza tal-ewwel Qorti u lliberat lil Paul Zammit minn kull ħtija u piena.