Wara erba’ telifet konsekuttivi, tlieta fil-Malta Premier u oħra l-bieraħ fil-Meridianbet FA Trophy, Branko Nisevic m’għadux aktar responsabbli mit-tmexxija teknika ta’ Hibernians. Fi stqarrija maħruġa mill-klabb, Hibernians tennew li “wara diskussjonijiet kordjali, il-klabb u l-kowċ Nisevic waslu għal ftehim reċiproku biex itemmu l-kuntratt ta’ impjieg bejniethom.”
L-istqarrija tirringrazzja lill-kowċ Serb, li għandu passaport Malti, Nisevic, għall-ħidma, l-impenn u l-professjonalità tiegħu matul il-perjodu tiegħu ma’ Hibernians FC, u jawguralu kull suċċess fil-futur.
Din l-aħbar tasal wara li l-bieraħ, Hibernians, li huma r-rebbieħa tal-FA Trophy tal-istaġun li għadda, sfaw eliminati minn din il-kompetizzjoni wara telfa ta’ 3-2 konta Gżira United, fl-istadju tal-aħħar 16-il tim.
Ir-riżultat tal-bieraħ fisser ir-raba’ telfa konsekuttiva għat-tim minn Raħal Ġdid, ġarrab ir-raba’ telfa konsekuttiva wara li fl-aħħar tliet ħarġiet tal-Malta Premier, huma tilfu dejjem kontra Marsaxlokk, Ħamrun Spartans u Floriana rispettivament.
Dan l-istaġun, Hibernians diġa’ lagħbu total ta’ 31 partita, fejn tilfu 13-il logħba, rebħu tnax u temmew draw f’sitt partiti. F’31 partita, b’Nisevic fit-tmexxija, dan l-istaġun Hibernians skorjaw kważi daqs kemm ġarbu gowls. Huma ikkonċedew 54 gowl u skorjaw 53 gowl.
It-tmiem ta’ Nisevic minn kowċ ta’ Hibernians ifisser it-tmiem tat-tieni esperjenza li dan il-kowċ kellu fit-tmun ta’ dan il-klabb. Hu kien inħatar kowċ ta’ Hibernians għall-ewwel darba fil-bidu tal-istaġun 2013/14 u serva f’din il-kariga għal 115-il partita, sat-tmiem tal-istaġun 2015/16.
F’dan l-ewwel terminu tiegħu bħala kow ta’ Hibernians, Nisevic kien mexxa lil Hibernians għar-rebħ tal-Kampjonat fl-istaġun 2014/15.
Fil-bidu tal-istaġun 2023/24, Nisevic irritorna mill-ġdid fit-tmexxija teknika ta’ Hibernians, u f’din it-tieni avventura tiegħu ma’ tal-Pagun, Nisevic mexxa lit-tim ta’ Hibernians f’96 partita. Anke f’dan il-perjodu, il-kowċ ta’ 54 sena, kien fil-kmand tat-tim li fl-istaġun li għadda rebaħ l-FA Trophy. Għaldaqstant, meta tgħodd l-ammont ta’ partiti li serva bħala kowċ ta’ Hibernians fl-ewwel perjodu tiegħu u fit-tieni darba tiegħu, l-ammont ta’ partiti li Nisevic mexxa lil dan it-tim bħala kowċ hu ta’ 211-il partita, bl-aħħar logħba tkun din tal-bieraħ kontra Gżira United.
Fl-istqarrija maħruġa minn Hibernians, huma ħabbru li Andrei Agius, li kien qed jaħdem bħala l-assistant kowċ ta’ Nisevic, se jkun il-kowċ suċċessur. Hu mifhum li Agius, li għandu l-liċenjza Pro, mistenni jkompli fit-tmexxija tal-iskwadra sal-bqija ta’ dan l-istaġun.
Agius se jkun qed jiġi assistit minn Igor Bubnjic, li minn Novembru li għadda ssieħeb fl-istaff tekniku ta’ Hibernians.
L-istqarrija ttemm tgħid li “il-kjlabb jħares ’il quddiem lejn dan il-kapitlu ġdid u jibqa’ ffukat bis-sħiħ fuq il-kisba tal-għanijiet sportivi tiegħu.”
//= $special ?>

