Lokali Qorti

€36,675 għal visas mediċi: Il-Qorti ssib li Neville Gafà rċieva dawn il-flus u tordna r-rifużjoni

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Rachel Montebello, laqgħet it-talbiet ta’ Khaled Ibrahim Ben Nasan f’ismu proprju u f’isem il-kumpanija Aurum Tribus Limited, u sabet li Neville Gafà rċieva ammonti sostanzjali ta’ flus mingħand Ben Nasan għall-ħruġ ta’ visas mediċi lil persuni Libjani li kellhom jiġu Malta għall-kura, u li dawn il-flus ma ġewx irrifondati.

Il-kawża kienet titratta talba għal rifużjoni ta’ €36,675 li l-attur sostna li kien ġabar mingħand diversi ċittadini Libjani sabiex jinħarġilhom visa biex jiġu Malta għal trattament jew appuntament mediku. Skont l-attur, dawn il-flus kienu ngħaddew kollha lil Gafà fuq il-bażi ta’ ftehim bejniethom, iżda l-visas qatt ma nħarġu u l-flus ma tħallsux lura, ħlief somma ta’ €3,000.

Mill-provi rriżulta li bejn Malta u l-Libja kienet teżisti sistema ta’ kollaborazzjoni biex pazjenti Libjani jingħataw kura f’Malta, inizjalment bla ħlas u aktar tard b’arranġament fejn l-ispejjeż kellhom jiġu sostnuti mill-awtoritajiet Libjani. Gafà kien jaġixxi bħala intermedjarju bejn l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin u dawk Libjani, inkluż fil-proċess ta’ koordinazzjoni għal “visa on arrival” jew medical visas.

Il-Qorti tat piż sinifikanti lix-xhieda tal-attur u ta’ terzi li kkonfermaw li kienu għaddewlu flus kontanti biex jitħallsu lil Gafà għall-ħruġ tal-visas. Ġie stabbilit li Gafà kien irċieva passaporti u flejjes ferm ogħla mis-€66 application fee li huwa sostna li kien jiġbor biss għall-ipproċessar tal-visa. Xhieda diretta kkonfermat pagamenti ta’ eluf ta’ ewro mogħtija lilu personalment.

Il-Qorti osservat li ma kien hemm ebda prova li dawn il-flus ġew mgħoddija lil xi entità pubblika oħra jew li Gafà kien awtorizzat jiġbor ammonti lil hinn mill-miżata uffiċjali. Lanqas ma rriżulta li kien qed jaġixxi f’kapaċità uffiċjali li tawtorizzah jiġbor tali fondi f’isem il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi jew il-Ministeru tas-Saħħa.

Fil-fatt, il-Qorti laqgħet l-eċċezzjoni preliminari tal-Fondazzjoni u kkonkludiet li ma kellhiex rwol fl-arranġament operattiv marbut mal-ħruġ tal-visas jew il-ġbir tal-flus, u għalhekk ma kinitx leġittimu kontradittur.

Wara evalwazzjoni tal-provi, il-Qorti sabet il-verżjoni tal-attur aktar kredibbli u kkonkludiet li l-flus kienu ġew irċevuti minn Gafà mingħajr bażi legali suffiċjenti biex jinżammu, u għalhekk huma dovuti lura.

Konsegwentement, il-Qorti ordnat ir-rifużjoni tas-somma mitluba ta’ €36,675 lill-attur, flimkien mal-interessi skont il-liġi, filwaqt li ċaħdet it-talbiet fil-konfront tal-Fondazzjoni u tal-konvenuti l-oħra fejn ma nstabx li kellhom responsabbiltà diretta.