Lokali Parlament

Ebda flus għall-Waste to Energy

Il-Gvern ma allokax flus għal din is-sena għall-proġett tal-faċilità tal-Waste to Energy.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika spjegat fil-Parlamemt li l-proċess ta’ akkwist tal-proġett tal‑Waste‑to‑Energy għadu fl-istadji bikrin, wara l-appelli li seħħew, u għalhekk l-ebda nfiq kapitali fuq il-kostruzzjoni tal-faċilità ma hu mistenni li jseħħ matul l‑2026. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda bżonn li jkunu vvutati fondi kapitali taħt dan il-vot għal din is-sena.

Id-Deputat Nazzjonlista Rebekah Borg staqsiet fil-Parlament lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika; tispjega r-raġuni għalfejn fl-Estimi Finanzjarji għas-sena 2026, l-allokazzjoni vvutata għall-proġett tal-faċilità tal-Waste to Energy hija ta’ €0.

Miriam Dalli qalet li madankollu, tikkonferma li se jsiru disbursements relatati ma’ konsulenzi u servizzi professjonali matul l‑2026 sabiex titkompla l‑ħidma teknika, legali u finanzjarja marbuta mal-proġett. Dawn l‑ispejjeż ser jiġu kkontabbilizzati taħt voti oħra relatati ma’ servizzi. Ix-xogħol tekniku u amministrattiv qed ikompli skont l-istadji tal-proċess ta’ akkwist, u l-Ministeru jibqa’ jikkoordina mal-Ministeru tal-Finanzi sabiex kwalunkwe impenji finanzjarji meħtieġa jiġu indirizzati skont l-iskedi rispettivi.