Il-Qorti Kriminali, ppreseduta mill-Onor. Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkundannat lil Sotir Hoxhaj għal erba’ snin u sitt xhur ħabs effettiv u multa ta’ €7,000 wara li ammetta li importa 257 gramma kokaina b’purità għolja u li uża dokumenti foloz biex jiġbor pakkett bid-droga.
Ir-raġel ta’ 41 sena, u ta’ nazzjonalità Albanija u resident f’Malta, kien ġie arrestat wara li pakkett suspettuż, li ġie nterċettat mill-posta, kien ġie rrappurtat lill-Pulizija. Il-Pulizija imbagħad organizzat konsenja kontrollata, li wasslet għall-arrest tiegħu.
Il-każ imur lura għad-9 u l-10 ta’ Novembru 2022 meta uffiċjali tad-Dwana, flimkien ma’ impjegati tal-kumpanija tal-ġarr UPS, interċettaw pakkett li kien wasal mill-Belġju u kien indirizzat għal indirizz fil-Gżira. Wara spezzjoni, instabet sustanza bajdanija moħbija f’kontenitur imgeżwer bi plastik iswed. Testijiet forensiċi kkonfermaw li kienet kokaina b’piż ta’ 257 gramma u purità ta’ madwar 66 fil-mija.
Il-Pulizija wettqet konsenja kontrollata wara li tneħħiet id-droga u tqiegħed materjal simili minflokha. Meta l-pakkett ġie kkonsenjat, raġel li ppreżenta karta ta’ identità Taljana bl-isem “Guzeppe Laparo” iffirma biex jiġbru. Aktar tard ġie stabbilit li din il-persuna kienet l-akkużat Sotir Hoxhaj. Mill-analiżi tat-telefon ċellulari tiegħu rriżulta li kien irċieva diversi dokumenti foloz b’ismijiet differenti iżda bir-ritratt tiegħu stess.
Hoxhaj ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u permezz ta’ rikors konġunt mal-Avukat Ġenerali ntalbet piena patteġġjata ta’ erba’ snin u nofs priġunerija u multa ta’ €7,000. Il-Qorti kkunsidrat l-ammont u l-purità għolja tad-droga, kif ukoll l-ammissjoni bikrija tal-akkużat, u ddeċidiet li taderixxi mal-ftehim.
Minbarra l-piena ta’ ħabs u l-multa, il-Qorti ordnat ukoll il-ħlas ta’ €2,344.28 fi spejjeż tal-perizji, il-konfiska ta’ kull oġġett relatat mar-reat u l-qerda tad-droga esebita jekk ma tkunx meħtieġa għal proċeduri oħra. L-Ispettur Mark Anthony Mercieca kien investiga l-każ.
//= $special ?>

