Internazzjonali

Filmati juru kif suldati Iżraeljani kienu sparaw lejn tifel ta’ 14-il sena u mblukkaw żewġ ambulanzi sakemm miet

Filmati li ġew żvelati reċentement juru li f’Novembru, suldati Iżraeljani sparaw tifel ta’ 14-il sena u mblukkaw kull assistenza medikali għal mill-inqas 45 minuta sakemm miet.

It-tifel – li kien jismu Jad Jadallah – kien fi sqaq f’kamp għar-refuġju fil-West Bank ma’ żewġ subien oħrajn. Filmat CCTV juri grupp ta’ suldati Iżraeljani jistennew fil-kantuniera tas-sqaq sakemm is-subien waslu viċin il-kantuniera.

Is-suldati daru l-kantuniera u għollew l-armi tagħhom u s-subien telqu jiġru lura minn fejn ġew. Is-suldati sparaw fuq is-subien u laqtu lil Jad. It-tifel waqa’ mal-art u ġie mdawwar mis-suldati Iżraeljani.

Filmat meħud minn fuq mowbajl juri li Jad kien qed ixejjer dirgħajh lejn is-suldati ta’ ħdejh biex jitlob għal assistenza medikali. Meta semgħet bl-aħbar li Jad kien sparat, ommu marret tiġri lejn fejn seħħet l-isparatura iżda ma tħallietx tmur ħdejh.

Il-filmat juri li waqt li Jad kien mal-art jitlob għall-għajnuna, suldat Iżraeljan qabad ġebla u waqqagħha ħdejh u ħa ritratt biex jiġġustifika l-isparatura bħala waħda ta’ difiża kontra ġebla li taparsi ntwaddbet minn Jad.

Tul il-ħin li Jad kien mal-art, kemm ommu u kemm żewġ ambulanzi kienu mblukkati mis-suldati bl-armi ppuntati fuqhom. Wara madwar 45 minuta mal-art, Jad miet u ġie meħud f’vettura militari Iżraeljana. Il-katavru ta’ Jad baqgħa fil-pussess tal-armata, u l-familjari tiegħu qatt ma reġgħu rawh.

Il-katavru ta’ Jad huwa wieħed fost madwar 800 katavru li għadhom miżmuma mill-forzi armati tal-Iżrael.