Internazzjonali

Id-Danimarka: Lejn elezzjonijiet bikrija… bil-kwistjoni ta’ Greenland bħala issue ewlenija

Il-Prim Ministru tad-Danimarka, Mette Frederiksen, għadha kemm ħabbret li se jsiru l-elezzjonijiet bikrija għall-Parlament ta’ pajjiżha fl-24 ta’ Marzu.

Is-sitwazzjoni tfisser li ċ-ċittadini għandhom jivvutaw diversi xhur qabel id-data oriġinali għall-elezzjonijiet, f’deċiżoni li tidher relatata mal-kwistjoni ta’ dan il-pajjiż mal-Istati Uniti dwar it-territorju ta’ Greenland.

L-Istati Uniti ta’ Donald Trump għadha qed tinsisti dwar l-importanza li tieħu l-kontroll ta’ Greeland – li l-politika barranija hi determinata mid-Danimarka – minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

Għaldaqstant, id-Daniżi li jivvutaw dan ix-xahar għandhom iqisu wkoll il-vot bħala affirmazzjoni  għall-istatus ta’ Greenland bħala art tad-Danimarka.

Dan meta huma se jkunu qed jeleġġu 179 deputat għall-Folketing – jew Parlament – f’Kopenhagen. Erba’ minn dawn id-deputati, fil-fatt, se jkunu qed jirrappreżentaw lil Greenland u l-Gżejjer Faroe – it-tnejn territorji awtonomi tad-Danimarka.