Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jara li l-anzjani tagħna jkollhom ħajja aktar attiva u kemm jista’ jkun jgħixu f’kunċett ta’ komunità.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta żar lill-anzjani residenti fir-Residenza RoseVille, f’Ħal Balzan, li titmexxa minn CareMalta. Hawn hu seta’ jara l-għożża li l-anzjani jingħataw mill-istaff iddedikat u kkwalifikat.
RoseVille hi dar unika u storika, magħrufa għall-arkitettura tagħha u għall-ambjent sabiħ li toffri. Wara snin ta’ abbandun, ġiet irranġata u rrestawrata b’investiment sinifikanti minn CareMalta biex toffri akkomodazzjoni, kura u attenzjoni lill-anzjani.
Alex Borg seta’ jara kif il-kumpanija taħdem biex ir-residenti jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti, b’dinjità u f’ambjent sigur, grazzi għall-faċilitajiet ipprovduti. Dan hekk kif CareMalta, li tifforma parti minn Vassallo Group, issa ilha aktar minn 30 sena tipprovdi dawn is-servizzi fid-diversi djar tal-anzjani li tmexxi.
Il-Kap tal-PN intlaqa’ miċ-Chairman ta’ Vassallo Group Żaren Vassallo, mill-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta James Sciriha u mit-tmexxija tar-residenza u tal-kumpanija. Huma spjegawlu kif il-membri tal-istaff tar-residenzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija jingħataw taħriġ regolari biex iżommu ruħhom aġġornati mal-isfidi u r-realtajiet li l-anzjani jħabbtu wiċċhom magħhom minn żmien għall-ieħor.
Kien hawn li l-Kap tal-PN tenna l-importanza li l-anzjani tagħna jibqgħu jgħixu f’ambjent san u sigur, fost l-għożża tal-qraba tagħhom u anke ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom. Dan hu anke d-dover tagħna b’apprezzament u ringrazzjament għal dak li għamlu biex illum għandna l-pajjiż li ngħixu fih.
Għal din iż-żjara, Alex Borg kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, ix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici, id-Deputat Janice Chetcuti u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Paul Mazzola.
//= $special ?>

