Il-Qorti tal-Appell Kriminali lliberat lil Ayrton Bugeja ta’ 29 sena mill-Floriana – wara li f’Lulju tas-sena li għaddiet kien instab ħati ta’ traffikar ta’ droga b’rabta ma’ każ li fih tfajla spiċċat l-isptar kaġun ta’ overdose f’inċident li seħħ f’Ġunju tal-2016.
Huwa kien ingħata sentenza sospiża mill-Qorti tal-Maġistrati li ta d-droga kokaina lil tifla ta’ 13-il sena. Madankollu l-Qorti tal-Appell qieset il-fatt li t-tfajla li llum għandha 22 sena, bidlet il-verżjoni tagħha dwar dan il-każ.
It-tifla qalet dak inhar li kienet ħadet doża eċċessiva ta’ kokaina u spiċċat b’overdose. It-tfajla kienet xehdet li kien Bugeja li taha l-kokaina fit-toilet tal-istabbiliment Clique f’Paceville u allegat li kienet ħadet madwar sittax-il linja. Madanakollu, aktar tard qalet li ma kinitx ċerta mill-ammont eżatt li kienet ikkunsmat.
Bugeja għażel li jixhed u ċaħad li juża d-droga. Spjega li kien qed jipprova jibni karriera fil-mużika u jżomm ’il bogħod minn dan il-vizzju. Qal li t-tfajla u ħabibtha kienu fil-kumpanija ta’ raġel ieħor ta’ madwar 40 sena u li minn ħin għall-ieħor kienu jidħlu miegħu fit-toilet.
L-ewwel Qorti kienet sabet lil Bugeja ħati li kkonsma l-kokaina mat-tfajla, li dak iż-żmien kellha 13-il sena, u ngħata sentenza sospiża. Huwa appella mis-sentenza u sostna, fost l-oħrajn, li l-verżjoni tat-tfajla ma kinitx konsistenti.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qieset li fix-xhieda tagħha l-allegata vittma bidlet il-verżjoni tal-fatti meta mqabbla ma’ dak li kienet qalet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, fatt li ġie kkonfermat ukoll mis-Supretendent fil-kawża.
Quddiem l-ewwel qorti, it-tfajla kienet qalet li ħadet id-droga ma’ persuni oħra u li kienet ma’ persuna adulta. Madankollu, quddiem il-Qorti tal-Appell hija xehdet li dakinhar tal-akkadut kienet biss ma’ ħabibtha.
Din tal-aħħar xehdet ukoll u qalet li ma tantx tiftakar x’ġara, iżda sostniet li qatt ma rat lill-appellant jagħti droga lit-tfajla, minkejja li kienet magħha l-ħin kollu. Qalet ukoll li magħhom ma kienx hemm nies oħra, li ma tafx lill-appellant u lanqas ma għarfitu fl-awla.
Il-Qorti qieset ukoll ix-xhieda ta’ omm it-tfajla, li qalet li xi ħadd poġġa droga fit-tazza ta’ bintha, iżda fl-ebda ħin ma allegat li l-appellant għadda xi droga lil bintha. Fl-aħħar nett, l-Imħallef Scerri Herrera kkonkludiet li x-xhieda tal-appellant kienet aktar kredibbli minn dik mogħtija mill-allegata vittma.
Għaldaqstant, irrevokat is-sentenza tal-ewwel qorti u lliberat lil Bugeja mill-akkużi kollha miġjuba kontrih. Għal Bugeja dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.
//= $special ?>

