Lokali Qorti

Illiberat mill-Qorti tal-Appell wara li kien mar tmien snin ħabs f’każ dwar traffikar ta’ persuna

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, laqgħet l-appell ta’ Omer Khalafallah M Khalafallah, Libjan ta’ 42 sena u ħassret is-sentenza tal-ewwel Qorti, li kienet ikkundannatu tmien snin ħabs – u illiberatu minn kull ħtija u piena.

L-appellant kien instab ħati ta’ traffikar ta’ persuna ta’ nazzjonalità Filippina – bil-għan ta’ sfruttament, ta’ dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika, ta’ ksur tal-Ordinanza tal-Passaporti u ta’ reati kontra l-liġijiet tal-impjieg.

Minbarra piena ta’ tmien snin ħabs effettiv, kellu jħallas €572.31 fi spejjeż tal-esperti u €4,849.30 lil Mary Jane Dinaga Ramos bħala pagi u sahra mhux imħallsa. Fl-appell tiegħu, Khalafallah attakka l-ammissibbiltà tal-istqarrija li ta lill-Pulizija fit-13 ta’ Lulju 2018, sostna li ma kienx infurmat bid-dritt li jkollu avukat preżenti waqt l-interrogazzjoni u li ma kellux għarfien suffiċjenti tal-lingwa Maltija.

Huwa kkontesta wkoll is-sejbiet dwar qerq, abbuż ta’ pożizzjoni vulnerabbli, żamma tal-passaport u l-eżistenza ta’ klawsola penali ta’ €20,000, kif ukoll il-konklużjonijiet dwar il-kuntratti tal-impjieg u l-paga. Il-Qorti tal-Appell eżaminat mill-ġdid ix-xhieda kollha, inklużi dawk tal-Ispettur John Spiteri, tal-uffiċjali tal-Pulizija, tar-rappreżentanta ta’ Identity Malta u tal-vittma stess.

Hija osservat li l-appellant kien ingħata d-drittijiet tiegħu u kien ikkonsulta ma’ avukat qabel l-interrogazzjoni, u li mill-filmati jirriżulta li fehem it-twissijiet mogħtija lilu. Għaldaqstant ma sabet ebda ksur li jwassal għall-inammissibbiltà tal-istqarrija.

Wara analiżi bir-reqqa tax-xhieda u tal-provi kollha mressqa, il-Qorti sabet li kien hemm lakuni sostanzjali fil-każ tal-prosekuzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit ir-reat tat-traffikar skont l-Artikolu 248A tal-Kodiċi Kriminali. Ġie enfasizzat li biex ikun hemm kundanna jridu jiġu ppruvati lil hinn minn kull dubju raġonevoli l-att, il-mezz u l-għan ta’ sfruttament.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet il-parti l-kbira tal-aggravji mressqa mill-appellant u, wara analiżi estensiva tal-provi u tal-ġurisprudenza rilevanti, ordnat li jiġi illiberat minn kull ħtija u piena. Il-Qorti fakkret li sabiex jirriżulta r-reat tat-traffikar skont l-Artikolu 248A tal-Kodiċi Kriminali jridu jeżistu tliet elementi kumulattivi: l-att materjali, il-mezz u l-għan ta’ sfruttament.

F’dan ir-rigward saret referenza għas-sentenza fl-ismijiet Il-Pulizija vs Robert Attila Majlat, fejn ġie enfasizzat li dawn l-elementi jridu jiġu ppruvati kollha flimkien. Dwar l-ewwel element, il-Qorti kkonkludiet li ma kienx ikkontestat li l-appellant kien impjega lill-parti leża u ffaċilita r-residenza tagħha f’Malta, u għalhekk dan ir-rekwiżit kien sodisfatt.

Madankollu, fir-rigward tat-tieni element — il-mezz, jiġifieri jekk kienx hemm qerq, ingann jew abbuż ta’ pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà — il-Qorti sabet nuqqasijiet serji fil-provi tal-prosekuzzjoni. Ġew osservati inkonsistenzi sinifikanti dwar fejn u meta ġie ffirmat it-tieni kuntratt ta’ impjieg, b’verżjonijiet differenti mogħtija minn diversi uffiċjali tal-pulizija.

Barra minn hekk, ma ġiet ippreżentata l-ebda prova dokumentarja li tikkonferma l-allegazzjoni li l-appellant kien jiddepożita biss €300 għall-benefiċċju tal-parti leża. Il-Qorti nnutat ukoll li ma saritx tfittxija fir-residenza jew fl-uffiċċju tal-appellant sabiex jiġu vverifikati dokumenti rilevanti, u lanqas ma nħatar espert biex jivverifika ċerti evidenzi diġitali.

Il-Qorti sabitha diffiċli taċċetta ċerti aspetti tal-verżjoni tal-parti leża, partikolarment dwar it-tieni kuntratt, u kkonkludiet li kien jeżisti dubju raġonevoli dwar l-użu reali tad-dokument immarkat bħala JS5. F’kuntest kriminali, tali dubju għandu jmur favur l-imputat.

Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet it-tieni aggravju relatat mat-traffikar, kif ukoll it-tielet aggravju dwar allegata dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika, peress li kien hemm dubji serji dwar liema kuntratt kien effettivament vigenti bejn il-partijiet.

Fir-rigward tar-reat kontra l-Ordinanza tal-Passaporti (Kap. 61), il-Qorti osservat li anke jekk it-trasferiment tal-passaport sar fit-Turkija, dan ma kienx passaport Malti u l-parti leża ma kinitx ċittadina Maltija. Għalhekk, skont l-Artikolu 11 tal-istess Ordinanza, ir-reat ma setax jiġi persegwit f’Malta.

Dwar l-allegati reati kontra l-liġijiet tal-impjieg, il-Qorti nnutat li l-appellant ma kienx formalment akkużat bi ksur relatat mal-forms ta’ engagement jew termination kif previst fil-leġiżlazzjoni sussidjarja, u għalhekk ma setgħetx issib ħtija taħt l-Artikolu 45(1) tal-Kap. 452.

Konsegwentement, il-Qorti ċaħdet biss l-ewwel aggravju iżda laqgħet it-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt aggravji, u ordnat il-liberazzjoni tal-appellant minn kull ħtija u piena.

Fl-aħħar nett, il-Qorti ordnat li kopja tas-sentenza tiġi notifikata lill-Ministru tal-Ġustizzja u Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni sabiex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta’ emendi leġiżlattivi, b’mod partikolari dwar il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni formali ta’ rinunzja għad-dritt ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni.

Il-Qorti rrilevat li, minkejja ċerti allegazzjonijiet dwar kundizzjonijiet ta’ xogħol u żamma ta’ dokumenti, il-provi ma kinux konklussivi biżżejjed biex juru li kien hemm pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà sfruttata jew intenzjoni ċara ta’ sfruttament kriminali. Barra minn hekk, ġew osservati diversi inkonsistenzi fix-xhieda li naqqsu mill-affidabbiltà tal-verżjoni tal-prosekuzzjoni.

Fir-rigward tal-istqarrija tal-appellant, il-Qorti kkunsidrat ukoll il-mod kif ittieħdet u ċ-ċirkostanzi kollha marbuta magħha, u qieset dan fil-kuntest ġenerali tal-provi.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti kkonkludiet li d-dubji ma setgħux jiġu eliminati u għalhekk kellhom jiffavorixxu lill-imputat. Għaldaqstant, is-sentenza ġiet imħassra u l-appellant ġie illiberat minn kull ħtija. Għalih deheru l-Avukati Veronique Dalli u Edward Gatt.