Internazzjonali

Jibda t-tielet rawnd ta’ taħditiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran

Wara żewġ rawnds ta’ taħdidiet bejn uffiċjali Amerikani u Iranjani iktar kmieni dan ix-xhar, iż-żewġ pajjiżi qed jerġgħu jiltaqgħu llum f’Ġinevra fl-Iżvizzera.

Dawn it-taħditiet qed iseħħu bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-programm nukleari tal-Iran. Jekk ma jintlaħaqx qbil, il-President Trump għedded li l-forzi Amerikani se jkunu qed jolqtu lill-Iran bi splużjonijiet limitati biex jitfgħu pressjoni fuq ir-reġim Iranjan biex iwaqqaf l-akkwist tal-uranju – element kimiku meħtieġ għall-iżvilupp tal-armi nukleari.

F’dan ix-xhar, l-Istati Uniti ilha tibni flotta fl-ilmijiet internazzjonali fil-Lvant Nofsani u fil-Mediterran biex tippressa lir-reġim u biex tkun lesta għal kull eventwalità. L-akbar bastiment tal-gwerra fid-dinja – l-USS Gerald R. Ford – nhar it-Tlieta wasal fil-bażi militari Amerikana fuq il-gżira Griega tal-Kreta.

It-theddid mill-Gvern Amerikan l-ewwel kien fir-rigward tal-qtil brutali ta’ dimostranti mir-reġim Iranjan. Wara li l-militar Amerikan waqqgħa drone Iranjan f’baħar internazzjonali li avviċina bastiment Amerikan u wara li bastimenti Iranjani għeddew li jaħtfu bastimenti Amerikani qabel l-ewwel rawnd ta’ taħdidiet, ir-reġim Iranjan ħabbar li d-diskussjonijiet se jkunu limitati biss għall-programm nukleari tal-Iran.

Fid-diskors annwali ta’ State of the Union tiegħu nhar it-Tlieta, l-President Trump qal li l-Istati Uniti mhux se tħalli “l-akbar finanzjatur tat-terroriżmu fid-dinja” biex tiżviluppa jew takkwista arma nukleari.

Skont ir-reġim Iranjan, l-akkwist tal-uranju ilu li waqaf minn meta l-Istati Uniti u Iżrael attakkaw siti nukleari tal-Iran f’Ġunju tal-2025. Intant, l-Iran ma ħallietx lill-ispetturi tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika biex jaċċessaw siti nukleari fl-Iran.