Jekk Malta ma jkollhiex Prim Imħallef ġdid wara l-4 ta’ Frar, pajjiżna se jidħol fi kriżi kostituzzjonali.
Hekk kien qal il-Prim Ministru Robert Abela u sussegwentament il-Partit Laburista, meta l-Prim Ministru ddeċieda li jressaq isem quddiem il-Parlament qabel biss kien hemm qbil mal-Oppożizzjoni.
Fejn Abela kien iddikjara li mingħajr qbil, l-Oppożizzjoni se tkun qed iddaħħal lil pajjiżna fi kriżi kostituzzjonali minħabba li l-Prim Imħallef attwali, Mark Chetcuti kien se jagħlaq il-perijodu tiegħu f’din il-kariga.
Iżda wara biss ftit ġranet, issa ġie żvelat kif Robert Abela rċieva ittra b’ġurament mingħand l-Imħallef Wenzu Mintoff li għamel numru ta’ allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Robert Abela, anke dwar indħil fil-ġudikatura.
U apparti minn hekk, spjega wkoll li Abela ammetta miegħu li mhux ħa jkun qed jagħżel l-ebda isem li tkun ressqet l-Oppożizzjoni sempliċiment għaliex dan jgħolli l-istatura ta’ Alex Borg – u anke joħloqlu problemi mad-diehards Laburisti.
Fl-ittra, l-Imħallef Mintoff iddikjara anke li Robert Abela jrid iħalli din id-deċiżjoni tant importanti għal wara l-elezzjoni ġenerali li tista’ ssir sa Marzu tal-2027.
Fil-fatt, wara din is-sitwazzjoni imbarazzanti, Robert Abela issa biddel ir-retorika tiegħu – 22 ġurnata biss wara d-dikjarazzjonijiet li għamel. Dan hekk kif issa ta x’jifhem mal-midja li ġaladarba għad hemm il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, mela m’hemmx għaġla għad-deċiżjoni.
Dan għaliex, issa, ġranet biss wara, qed jgħid li l-kostituzzjoni ħasbet għal kriżijiet bħal dawn. Minkejja li ftit jiem ilu ħareġ stqarrija biex iwerer lill-poplu.
Stqarrija li tikkonferma kif issa Abela biddel kliemu, u m’għadux ibeżża’ li se tinħoloq Kriżi Kostituzzjonali.


