Internazzjonali

Jinqatlu erba’ Kubani fuq dgħajsa reġistrata fl-Istati Uniti

Skont stqarrija mill-Ministeru Kuban għall-Intern, il-gwardjani tal-fruntiera Kubani qatlu erba’ persuni u darbu sitta oħra fuq dgħajsa privata li kienet irreġistrata fl-Istati Uniti.

Skont l-istqarrija, l-individwi abbord id-dgħajsa kienu Kubani li jgħixu fl-Istati Uniti li kienu armati b’armi tan-nar u splussivi, u sparaw fuq il-gwardjani tal-fruntiera Kubani “bil-għan li jwettqu attakk terroristiku”.

L-individwi – bosta minnhom b’rekord kriminali – sparaw fuq il-gwardjani Kubani wara li ġew avviċinati mill-gwardjani għal identifikazzjoni peress li kienu fl-ilmijiet ta’ Kuba, stqarr il-Ministeru.

Din l-isparatura seħħet jum wara t-tletin anniversarju mit-twaqqigħ ta’ żewġ ajruplani żgħar tal-grupp ‘Brothers to the Rescue‘ mill-militar Kuban ta’ Fidel Castro fl-ajru Kuban. L-erba’ individwi abbord l-ajruplani kienu kollha maqtula f’dan it-twaqqigħ.

Brothers to the Rescue huwa grupp attivist ibbażat fl-Istati Uniti li jopponi r-reġim ta’ Kuba u kien stabbilit minn Kubani li kienu telqu minn Kuba.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, ħabbar li l-Gvern Amerikan qiegħed jinvestiga l-każ “ferm mhux tas-soltu” biex jivverifika l-informazzjoni li, bħalissa, ġej biss min-naħa tar-reġim Kuban.

Dan l-inċident seħħ f’kuntest ta’ tensjonijiet għoljin bejn l-Istati Uniti u Kuba peress li l-Istati Uniti qed timblokka l-kummerċ taż-żejt mill-Veneżwela lejn Kuba wara l-ħatfa tal-President Veneżwelan Nicolás Maduro mill-militar Amerikan.

Intant, wara l-ħatfa ta’ Maduro f’Jannar, kemm il-President Amerikan Donald Trump u kemm membri tal-kabinett tiegħu kienu qalu li jkunu favur it-twaqqigħ tar-reġim Kuban.