Lokali

L-Awditur Ġenerali jikkonferma li eluf ta’ familji f’Malta li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali qed jaqgħu lura

Stħarriġ ippubblikat ilbieraħ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jikkonferma li f’pajjiżna hawn eluf ta’ familji li qed jaqgħu lura, speċjalment dawk li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali.

Agħar minn hekk, l-NAO jgħid li familji li jiddependu kompletament fuq il-benefiċċji soċjali f’Malta ma jistgħux jaffordjaw lanqas l-inqas livell tal-għajxien – dak bażiku. Fi ftit kliem, il-benefiċċji soċjali f’Malta mhux qed jiggarantixxu livell tal-għajxien b’dinjità għal dawn il-persuni.

L-audit li għamel l-Awditur Ġenerali – u li kien sottomess lill-Parlament u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ispeaker l-Erbgħa – sab li fil-każ ta’ familji li jiddependu fuq benefiċċji mhux kontributorji dawn qed ibatu konsegwenza tal-fatt li l-benefiċċji li jingħataw, minkejja li żdiedu, xorta mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu ma’ kemm żdiedet l-għoli tal-ħajja.

L-istudju sab, pereżempju, li familja ta’ erbgħa min-nies (żewġ adulti u żewġt itfal), tirċievi biss €14,717 meta l-budget minimu essenzjali biex tkun tista’ tgħix ħajja diċenti huwa stmat li għandu jkun ta’ €19,355 għas-sena 2025 – jiġifieri diskrepanza ta’ €4,638 inqas milli familja bħal din ikollha bżonn biex tlaħħaq.

Fi kliem ix-Shadow Ministers Graham Bencini, Ivan Castillo u Ivan Bartolo, ir-rapport jgħid li minkejja li l-benefiċċji żdiedu bi 18% mill-2023 lil hawn, l-għoli tal-ħajja żdied b’27% tul l-istess perjodu. Konsegwenza ta’ dan, l-iżbilanċ finanzjarju għal familji bħal dawn kważi rdoppja mill-2020 lil hawn, meta d-diskrepanza kienet ta’ madwar €2,700 imma issa telgħet għal €4,600.

Sadanittant, minn informazzjoni separata mogħtija fil-Parlament dan l-aħħar fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari li saret mill-Oppożizzjoni lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, il-Ministru kkonferma li 45% tal-ħaddiema full-time f’pajjiżna fl-2024 wkoll kienu jaqilgħu inqas minn €19,000.

Mit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fit-3 ta’ Frar bħala parti mir-risposta għad-Domanda Parlamentari, Clyde Caruana kkonferma li xejn inqas minn 134,500 persuna f’pajjiżna (minn total ta’ ftit aktar minn 301,000) jaqilgħu inqas minn dan l-ammont.

Dan huwa saħanistra inqas mill-budget minimu essenzjali meħtieġ biex familja jkollha livell tal-għajxien dinjituż kif ikkwotat mill-Awditur Ġenerali fir-rapport li ħareġ din il-ġimgħa.

Ta’ min jinnota wkoll kif fil-konklużjonijiet tiegħu l-Awditur ikkummenta dwar ir-rakkomandazzjoni li kien għamel aktar kmieni biex jiġu introdotti thresholds aktar restrittivi biex wieħed jikkwalifika għall-għajnuna soċjali ħalli jkun żgurat li jibbenefikaw verament dawk finanzjarjament vulnerabbli u ma jkunux eliġibbli nies li ma għandhomx jieħdu dawn il-benefiċċji. Imma minflok ma sar hekk, fl-aħħar budget il-Gvern żied it-thresholds.

L-NAO kkummenta wkoll li d-direttorat li suppost jagħmel dan ix-xogħol, il-Benefits Compliance Directorate, qed ikompli jħalli barra ċerti assi mill-means-testing waqt li jikkritika wkoll il-limitazzjonijiet kbar li għandha din it-taqsima biex il-gvern ikun jista’ jagħmel infurzar kontra l-abbużi u jiżgura li kulħadd verament jieħu biss dak li ħaqqu. Id-direttorat għandu biss tliet spetturi meta għandu bżonn mill-inqas sitta biex ikun jista’ jiffunzjona kif suppost, waqt li l-ispezzjonijiet isiru biss fil-ħinijiet tax-xogħol li jagħmilha impossibbli pereżempju biex jinqabdu nies li mhumiex konformi mal-liġi barra l-ħinijiet tal-uffiċċju.