Futbol Sport

L-eks internazzjonali Malti Ferdinando Apap sospiż għal tliet xhur wara li falla test tad-doping

L-eks difensur internazzjonali Malti Ferdinando Apap ġie sospiż għal tliet xhur wara li nstab pożittiv għall-kokaina wara l-partita tal-FA Trophy bejn Victoria Hotspurs u Ħamrun Spartans li ntlagħbet nhar it-3 ta’ Jannar li għadda.

Apap ammetta li s-sustanza kienet ikkunsmata f’ambjent soċjali u mhux biex itejjeb il-prestazzjoni tiegħu, u għalhekk ġie immedjatament sospiż. Skont ir-regolamenti kontra d-doping, każijiet bħal dawn iġorru sospensjoni obbligatorja ta’ tliet xhur, li tista’ titnaqqas għal xahar jekk il-plejer jattendi programm ta’ riabilitazzjoni ma’ Sedqa.

Il-plejer ta’ Victoria Hotspurs, rappreżentat mill-avukat Dr Robert Dingli, beda jservi s-sospensjoni tiegħu fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Apap huwa r-raba’ plejer Malti li falla test tad-doping dan l-istaġun, wara Jamie Azzopardi, Rafael Tavares u Pablo Sanchez, li wkoll ġew sanzjonati għal reati simili.

Intant b’rabta ma’ din l-aħbar, il-klabb li jilgħab miegħu Apap, Victoria Hotspurs, ħareġ stqarrija separata biex jagħmilha ċara li jikkundanna bla riżerva kull forma ta’ użu ta’ sustanzi pprojbiti jew doping fl-isport.

“Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-prinċipji ta’ fair play, integrità u rispett lejn ir-regoli li jirregolaw il-logħba. L-użu ta’ kwalunkwé sustanza pprojbita jmur kontra l-valuri li l-klabb dejjem ħaddan u promwova tul is-snin.
Filwaqt li l-ebda klabb ma jista’ jikkontrolla dak li jseħħ fil-ħajja privata jew soċjali tal-plejers u l-membri tiegħu, nibqgħu impenjati li noffru l-għajnuna, il-gwida u d-dixxiplina meħtieġa sabiex l-isportivi tagħna jinżammu ’l bogħod minn vizzji jew aġir li jista’ jagħmel ħsara lilhom infushom u lill-isport.”
Il-Klabb jifhem ukoll li kulħadd huwa uman u jista’ jiżbalja. “Għalhekk inħossu d-dmir li, minbarra d-dixxiplina meħtieġa, inkunu ta’ sostenn u wens meta jkun hemm bżonn, u li noffru l-appoġġ neċessarju biex l-individwu jerġa’ jiffoka fuq il-valuri u r-responsabbiltajiet tiegħu.”

Il-Klabb diġà ħa passi dixxiplinari interni skont ir-regolamenti tiegħu u se jkompli jaġixxi b’serjetà u responsabbiltà f’kull sitwazzjoni li tista’ tħammeġ ir-reputazzjoni tal-isport u tal-Klabb.

Il-klabb Għawdxi temm l-istqarrija billi saħaq li “nibqgħu impenjati li nkomplu naħdmu favur ambjent sportiv nadif, trasparenti u b’saħħtu.”