Internazzjonali

L-Ungerija: Akkużi li l-Ukrajna qed tiċħadha mill-enerġija bi skop politiku

Ir-relazzjonijiet bejn l-Ungerija u l-Ukrajna ħadu daqqa oħra ‘l isfel, bil-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, jakkuża lill-Ukreni b’li qed jostakolaw ‘bi ħsieb’ il-provvisti tal-enerġija lil pajjiżu.

Is-sitwazzjoni wasslet biex Orban jistazzjona lis-suldati tiegħu fil-madwar tal-faċilitajiet tal-enerġija  ewlenin ta’ pajjiżu….Dan meta diversi sorsi f’Budapest qed jgħidu li Orban qed jipprova jdawwar l-attenzjoni mill-fatt li hu qed jitlef ħafna mill-popolarità fi żmien meta l-poplu Ungeriż qed iħejji għall-elezzjonijiet ġenerali ta’ April.

Orban, issa, tenna li l-Ukrajna qed tippersisti ‘b’assedju fuq ir-riżorsi taż-żejt li suppost għandhom jgħaddu lill-Ungerija’. L-akkuża prinċipali hi li l-Ukreni qed iżommu lura apposta milli jiftħu mill-ġdid il-pipeline kruċjali ta’ Druzhba – bl-Ukreni jtennu li l-pipeline kien ġarrab il-ħsarat b’kaġun tal-attakki kontinwi mill-qawwiet tar-Russja.

Il-pipeline ta’ Druzhba tipprovdi rotta ewlenija għat-trasferiment taż-żejt li tipproduċi r-Russja lill-Ungerija u s-Slovakkja – l-uniċi żewġ Stati-membri tal-Unjoni Ewropea bir-relazzjonijiet kordjali mal-President Russu,  Vladimir Putin.

Il-kunsinni taż-żejt inkwistjoni, intant,ilhom weqfin għaż-żewġ pajjiżi mis-27 ta’ Jannar – u Viktor Orban  qed jinsisti li s-sospensjoni taż-żejt li hu kritiku għall-funzjoni ta’ pajjiżu hi dovuta għal deċiżjoni politika speċifika min-naħa tal-Ukrajna.

Dan waqt li Orban akkuża wkoll lill-Ukrajna b’li qed tħejji ‘aktar azzjonijiet, inkluż sabutaġġ’ waqt li l-gwerra tagħha mar-Russja li issa daħlet fil-ħames sena.

Intant, il-kritiċi ta’ Orban qed jgħidu li l-Prim Ministru Ungeriż qed jinfexx fi gwerra bil-kliem mal-Ukrajna biex jikkonvinċi lill-poplu tiegħu li ‘l-Ungerija tinsab taħt forma ta’ attakk’ u li hu biss jista’ jikkontrolla s-sitwazzjoni. Dan ukoll meta l-Partit Fidesz fil-Gvern qed jidher qrib li jitlef il-poter wara 16-il sena konsekuttivi ta’ amministrazzjoni.

Fl-istess ħin, it-tensjoni bejn Budapest u Kiev kompliet tiżdied wara li Orban, jiem ilu, uża l-veto tal-Ungerija biex iwaqqaf self ta’ €90bn lill-Ukrajna mingħand l-Unjoni Ewropea – u bil-Mexxej Ungeriż anki jimblokka l-20 pakkett tas-sanzjonijiet tal-Unjoni għar-Russja.