Futbol Sport

Logħba tal-Youths abbandunata wara tmien minuti minħabba qtugħ fil-provista tad-dawl

Il-partita li kellha tintlagħab il-bieraħ mill-kategorija tal-Youths Sezzjon C, Bottom Six, bejn Attard u Rabat Ajax, spiċċat waqfet ħesrem wara biss tmien minuti logħob.

Dan għaliex il-partita, li kienet skedata għat-8:15pm fil-Ground tas-Siġġiewi, wara biss ftit minuti mill-bidu tagħha spiċċat bla dawl wara li ntfew il-flood lights tal-ground, b’Attard kienu diġa’ fetħu l-iskor u kienu qed jirbħu 1-0.

Minn informazzjoni li rrnexxilu jiġbor Replay, jidher li f’dak il-ħin tal-konfront, l-koporazzjoni Enemalta, kienet qed tagħmel xi xogħol ta’ tiswija fiż-żona għalhekk dawk li jieħdu ħsieb il-grawnd tal-futbol tas-Siġġiewi, ma kellhom ebda kontrol fuq is-sitwazzjoni.

Hu mifhum li l-MFA għamlet kuntatt mal-Enemalta minnufiħ, iżda meta dawn ġew infurmati li l-provista tal-elettriku kienet se ddum biex tiġi lura għan-normal, ir-referee ħa d-deċiżjoni li jwaqqaf il-logħba, bil-partita tiġi posposta u se tkompli tintlagħab illum stess, fid-8:45pm, din id-darba fil-Ground ta’ Ħad-Dingli.

Il-partita bejn it-timijiet tal-Youths ta’ Attard u Rabat Ajax se tkun qed titkompla mit-tmien minuta ‘il quddiem, b’Attard ikomplu fejn ħallew, ċioé b’gowl wieħed minn fuq.