Mark A. Sammut Sassi
Qiegħed nuża l-kelma “Kriżi” mhux b’kapriċċ imma għax nemmen li hi l-aħjar kelma biex biha nfisser il-gravità ta’ dak li ħareġ mill-ittra li l-Imħallef Wenzu Mintoff bagħat lill-Prim Ministru u sirna nafu biha t-Tlieta.
Issa, jien qiegħed nikteb dal-artiklu l-Erbgħa filgħodu tard; intom se taqrawh il-Ħamis. Bejn l-Erbgħa u l-Ħamis ma nistax inkun naf minn issa x’se jiġri; jekk iseħħu żviluppi li jibdlu t-tifsir tal-ġrajja, nitlobkom taqraw dal-artiklu fid-dawl ta’ dawk l-iżviluppi.
L-ittra ta’ Wenzu Mintoff fiha ħafna x’tomgħod. Se nsemmi biss ftit elementi minnha llum.
Min hu Wenzu Mintoff?
Wenzu Mintoff, neputi ta’ Duminku Mintoff – isem assolutament kbir fl-istorja ta’ Malta, taqbel jew ma taqbilx miegħu – tela’ fil-Parlament fl-1987, f’isem il-Partit Laburista. Matul dik il-Leġiżlatura, tlewwem mal-Partit Laburista minħabba fil-ħmieġ li kien jaħkem f’dak il-partit, u flimkien ma’ Toni Abela (illum Eks Imħallef) u oħrajn waqqaf partit ieħor u qatta’ l-bqija tal-Leġiżlatura jirrappreżenta lil dak il-partit.
Aktar ’il quddiem għamel paċi mal-Labour u nħatar editur tal-organu uffiċjali tal-Partit Laburista, KullĦadd, u mbagħad, meta tela’ l-Labour fil-gvern fl-2013, inħatar imħallef, fl-2014. Kulħadd jaqbel dwar l-integrità tiegħu, avolja – għax ħadd mhu perfett f’did-dinja – jien inħoss li fil-każ ta’ Manuel Delia u Raphael Vassallo jmissu astjena minħabba fil-qrubija tiegħu ma’ wieħed mis-sidien ta’ gazzetta partikolari.
L-ittra ta’ Wenzu Mintoff
L-Imħallef Mintoff bagħat ittra – imsaħħa mill-fatt li sejjisha fuq ġurament – lis-Segretarju tal-Kabinett tal-Ministru u lil oħrajn li għandhom rwol istituzzjonali importanti. F’dil-ittra Wenzu Mintoff ittratta l-proċess tal-ħatra ta’ Prim Imħallef. Imma wkoll ħawwarha b’kummenti, osservazzjonijiet, u dikjarazzjonijiet li ħasdu lill-pajjiż kollu u tefgħu dellijiet tqal fuq il-governanza f’Malta.
Messaġġini bil-WhatsApp
L-Imħallef Mintoff qal, testwalment, li ‘mbagħad komplejna bil-konverżazzjoni tagħna bil-Whatsapp filgħaxija’. Dan ifisser li, tal-anqas darba, kien hemm komunikazzjoni bejn il-Kap tal-Eżekuttiv (il-Prim Ministru) u mħallef sedenti bil-Whatsapp.
M’għandniex xi ngħidu tqum il-mistoqsija jekk dal-komunikazzjonijiet iseħħux fuq bażi regolari, u humiex biss mal-Imħallef Mintoff jew ma’ mħallfin oħrajn ukoll. Barra minn hekk, tqum il-mistoqsija dwar x’suġġetti jiġu diskussi jekk tabilħaqq isir dat-tip ta’ komunikazzjoni.
Dil-mistoqsijiet bilfors iridu jsiru. Għax fil-ġurament tal-kariga tal-imħallfin (art. 10, Kap. 12) jingħad hekk: “Jiena ………….. naħlef li nagħmel bis-sewwa d-dmirijiet ta’ mħallef bla favuri u mingħajr ma nżomm ma’ ħadd, kif irid il-ħaqq u l-jedd, u kif iridu l-liġijiet u d-drawwiet ta’ Malta, għall-gieħ t’Alla u tar-Repubblika ta’ Malta, u li ma nikkomunika, direttament jew indirettament, ma’ ebda waħda mill-partijiet f’kawża f’waħda jew oħra mill-qrati superjuri jew inferjuri, lanqas mal-avukati jew prokuraturi legali tagħhom, lanqas ma’ ħaddieħor, fl-isem ta’ waħda jew oħra mill-partijiet, dwar kawża li tkun għad ma nqatgħetx, jew li tkun sejra tibda jew tissokta f’waħda mill-qrati hawn fuq imsemmija, barra minn fil-qorti bil-miftuħ, ħlief fil-każijiet li l-liġi ssemmi espressament.”
Jien żidtu l-grassett biex niġbdilkom l-attenzjoni għall-fatt li kull imħallef jaħlef li ma jikkomunika ma’ ħadd dwar kawżi li jew għadhom ma nqatgħux, jew li se jibdew, jew li se jissoktaw. Innutaw li l-ħalfa ma tgħidx li l-imħallef ma jikkomunikax biss mal-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom, imma “lanqas ma’ ħaddieħor”. “Ħaddieħor” tfisser li l-imħallef ma jista’ jitkellem ma’ ħadd dwar kawżi.
Issa, m’iniex ngħid li l-Imħallef Mintoff ikkomunika dwar xi kawża. U lanqas ma jien ngħid li l-Prim Ministru kkomunika dwar xi kawża.
Li qiegħed ngħid hu li neħtieġu risposta għal dal-erba’ mistoqsijiet: 1. Isiru spiss dal-konverżazzjonijiet bil-Whatsapp? 2. Isiru mal-imħallfin kollha, jew kien hemm konverżazzjoni waħda biss mal-Imħallef Mintoff? 3. Jekk isiru mal-imħallfin kollha, xi jkun is-suġġett ta’ tali konverżazzjonijiet? 4. Kif nistgħu nserrħu moħħna li l-Prim Ministru mhux qed ikollu konverżazzjonijiet ma’ mħallfin dwar kawżi?
Kriżi
Dal-erba’ mistoqsijiet juru biċ-ċar li hawn kriżi fil-pajjiż. Kif jista’ jkun ngħixu fis-serenità meta hemm suspett aktar minn raġonevoli ta’ komunikazzjoni bejn l-Imħallfin u l-Gvern?
Dan-nuqqas ta’ serenità jwassal għal biżgħat ġustifikati li min ikollu kawża kontra l-Gvern, jaf ikollu jaħdmu kontra tiegħu komunikazzjonijiet sigrieti magħmulin minn wara l-kwinti.
Din hija ipoteżi; m’iniex ngħid li qiegħed jiġri hekk.
Imma f’setturi delikati bħalma hi l-Ġustizzja, lanqas l-ipoteżijiet ma għandu jkun hemm. Appena xxellef il-fiduċja tal-pubbliku fil-Qrati, jiġġarraf kollox.
Ir-rwol ewlieni tal-qrati hu li jiġi evitat it-tixrid tad-demm. Dal-kliem m’iniex nużah kapriċċożament. Ukoll bil-qrati, in-nies tiġi fl-idejn u tirrikorri għall-vjolenza. Aħseb u ara jekk tiġġarraf il-binja istituzzjonali tal-qrati bħala dawk li jżommu l-paċi u l-ordni billi jħollu l-kwestjonijiet bejn in-nies bir-raġuni. Minflok bir-rikors għall-vjolenza.
Il-pajjiż għandu bżonn is-serħan il-moħħ. Bħalissa hawn ħafna mistoqsijiet għatxana għal risposta.
Kompliċità mal-President tar-Repubblika!
Wenzu Mintoff issokta hekk fl-ittra tiegħu: “Dr Robert Abela għoġbu jdaħħal lili direttament fil-kwistjoni, meta beda jinsinwa li jien kont kompliċi f’dan kollu mal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.”
M’iniex se nidħol fil-mertu tal-insinwazzjoni.
Li laqatni – u għaġġibni – hu li Deputat (Dr Abela kien għadu mhux Prim Ministru dak iż-żmien) seta’ waqagħlu f’moħħu li l-President tar-Repubblika (għal ġieħna!) tista’ tkun kompliċi ma’ Mħallef tal-Qrati Superjuri biex jilagħbu lil avukat fuq kwestjoni ta’ flus!
Naturalment, wieħed jasal għall-konklużjonijiet tiegħu dwar kif jarahom l-affarijiet Robert Abela. L-iskandlu f’dal-każ hu li wieħed jista’ jaħseb li hemm il-possibbiltà ta’ kompliċità bejn – minn tant nies – il-President tar-Repubblika u Mħallef!
Kliem Robert Abela – kif miġjub minn Wenzu Mintoff – ifisser li l-pajjiż “spiċċut”.
Il-President tar-Repubblika f’kompliċità ma’ Mħallef! Oxxenità li lanqas fiż-żminijiet l-aktar mudlama ma wieħed jista’ jikkonċepiha, wisq anqas ileħħinha, bħalkieku xi ħaġa “normali”.
Il-ħatra tal-imħallfin
Mhux biss. Robert Abela – skont ma qal (bil-ġurament) Wenzu Mintoff – jimpurtah ħafna mill-politika partiġjana fil-ħatra tal-imħallfin.
Dr Mintoff kiteb hekk: “Qalli jekk jagħmel lil xi wieħed minn dawk proposti mill-Oppożizzjoni jonqoslu l-appoġġ mad-diehards tiegħu”.
Din iġġiblek għajnejk wara widnejk!
Jiġifieri, il-ħatra tal-kariga għolja bħalma hi dik ta’ Prim Imħallef tiddependi mill-barka tal-akkaniti tal-Partit Laburista? F’dan ġie l-pajjiż?
U dawn l-akkaniti min huma? Dutturi tal-Liġi u Professuri tad-Dritt?
Jiġifieri l-Prim Imħallef – li mhux biss irid imexxi l-korp tal-imħallfin imma jrid, fuq kollox, jippresjedi l-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti tal-Appell – jinħatar mhux skont il-kapaċità tiegħu jew tagħha imma skont jgħaddix mit-test tal-akkaniti tal-Labour?
Jiġifieri jekk ikun imħallef intelliġenti, rett, sobriju, studjuż, jaf il-ħajja u d-dinja kif iddur, imma mhux benvist mill-akkaniti tal-Labour, dan inwarrbuh? Biex minfloku jsir xi ħadd anqas kapaċi imma li l-akkaniti tal-Labour għandhom grazzja miegħu?
Dal-Prim Ministru bis-serjetà qed jitkellem, jew għandu aptit jiċċajta?
Azzjoni Kriminali
Jekk Wenzu Mintoff gideb fl-ittra tiegħu, il-Prim Ministru – li fil-Parlament it-Tlieta ma ċaħad xejn – imissu jirrapportah lill-Pulizija ħalli jittieħdu passi kontrih.
U se ngħidha bla kantunieri. Lanqas ċaħda fil-Parlament mhi biżżejjed għalija. Jekk Wenzu Mintoff gideb, nistenna lill-Prim Ministru jibda azzjoni kriminali kontra Dr Mintoff.
Fin-nuqqas ta’ azzjoni bħal din, se nifhem li Dr Mintoff qal il-verità.
U jekk Dr Mintoff qal il-verità, allura għandna kriżi ta’ enormità kolossali fil-pajjiż.
Se jkolli nieqaf hawn
Fuq dal-ħsieb se jkolli nieqaf għax m’hawnx spazju biżżejjed, inkella nieħu gazzetta sħiħa: se nkompli bil-video blogs fuq Facebook u bnadi oħrajn.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 26 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

