Opinjoni

Opinjoni: ‘It’s not business as usual’

“This is not a normal situation. It cannot be business as usual. The prime minister has to give a thorough explanation of his behaviour if he does not want his position to swiftly go from vulnerable to untenable”.

Angelo Micallef

Kien dan il-kliem tal-editorjal tal-bieraħ tal-gazzetta MaltaToday meta kienet qed titkellem dwar l-aħħar żviluppi f’pajjiżna wara li aktar kmieni din il-ġimgħa kellna l-aħbar dwar l-ittra li bagħat l-Imħallef Wenzu Mintoff b’rabta ma’ numru ta’ allegazzjonijiet mill-aktar serji u kritiċi fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela. Ittra li fiha l-Imħallef Mintoff saħansitra talab biex Abela jastjeni milli jkompli jkollu sehem fil-proċess ta’ ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid.

Aktar kritika lejn il-Prim Ministru
L-editorjal tal-MaltaToday ma kienx uniku fit-ton tiegħu. L-editorjal tal-istess ġurnata ta’ The Times saħaq li, “There are many worrying points raised in Judge Wenzu Mintoff’s five-page letter, a sworn declaration. According to the judge, the prime minister made it clear he is not prepared to consider any name for chief justice proposed by the PN Opposition as he would lose the support of his “diehards” and Alex Borg would grow in stature. That is absurd. Such a stance suggests that the office of chief justice – the guardian of constitutional order – is to be treated as a partisan trophy”.
M’iniex se nidħol fil-mertu tal-allegazzjonijiet tal-Imħallef Wenzu Mintoff. Dejjem emmint li kulħadd innoċenti sakemm misjub ħati u hekk se nibqa’ nemmen mingħajr distinzjoni.
Lanqas ma jien se nidħol fuq il-metodu li bih l-Imħallef Mintoff għażel li jwassal is-sentimenti tiegħu; dwar dan issa hemm proċess li nemmen li għandu jitħalla jieħu l-kors naturali tiegħu.
Imma nemmen li jkun mhux biss żball imma saħansitra daqqa ta’ ħarta għad-demokrazija jekk allegazzjonijiet mill-aktar serji, magħmula taħt ġurament, minn Imħallef sedenti jiġu injorati bħallikieku qatt ma kien xejn.

Allegazzjonijiet li ma jistgħux jiġu injorati
Huwa surreali li tara l-midja Laburista li fl-istess jum li fih ħarġet din l-aħbar xokkanti, tibqa’ tinsisti li kollox jibqa’ għaddej business as usual bħallikieku ma ġara xejn. Ejja nifhmu li l-allegazzjonijiet magħmula għandhom portata u ġejjin minn bniedem li jokkupa uffiċċju ta’ ċerta statura f’pajjiżna. Iċ-ċittadin għandu d-dritt ikollu s-serħan tal-moħħ li f’pajjiżna l-ġustizzja u d-demokrazija qegħdin jaħdmu sew.
Dan is-serħan tal-moħħ ma jista’ bl-ebda mod jinkiseb jekk l-allegazzjonijiet jiġu sempliċiment injorati bħallikieku qatt ma saru.

L-istqarrija tal-Kamra tal-Avukati
Jien u nikteb dan l-artiklu qiegħed naqra l-istqarrija tal-Kamra tal-Avukati li tisħaq li:
“Dan il-proċess kellu jkun wieħed kunfidenzjali, immaniġġjat b’dinjità u b’rispett sħiħ lejn l-istituzzjoni tal-ġudikatura. L-awtorità u l-kredibbiltà tal-Qrati ma jistgħux jibqgħu suġġetti għal kalkoli politiċi jew negozjati li jsiru fuq il-palk pubbliku. Il-Kamra tal-Avukati terġa’ ssejjaħ lill-mexxejja politiċi sabiex jaġixxu b’sens ta’ maturità kostituzzjonali u jaslu għal qbil mingħajr aktar dewmien. Kull jum li jgħaddi f’din is-sitwazzjoni qed ikompli jnaqqas il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet u jikkawża ħsara lis-settur tal-ġustizzja. Il-ħatra ta’ Prim Imħallef m’għandhiex tkun kompetizzjoni politika, iżda att ta’ responsabbiltà nazzjonali”.
Kliem mirqum u meqjus sew; kliem li bla dubju ta’ xejn huwa s-sentiment mhux biss ta’ kull avukat oġġettiv f’pajjiżna iżda s-sentiment ta’ kull min jemmen fil-ġustizzja u kull min jemmen li dan il-pilastru huwa ta’ ħtieġa assoluta f’soċjetà demokratika

Periklu għall-ġustizzja u d-demokrazija
Din il-logħba politika ta’ Robert Abela qiegħda tipperikola l-ġustizzja u d-demokrazija ta’ pajjiżna. Dan ma kellu qatt ikun suġġett ta’ xenati politiċi imma ta’ turija ta’ maturità politika. Min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg din il-maturità hija ċara u evidenti; dnub li mhux l-istess jista’ jingħad fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela.
Prim Ministru li ma’ kull jum li jgħaddi qiegħed ikompli jispikka fih sens ta’ paniku, biża’ politiku u kważi kważi bitterness u antipatija lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni.
X’ironija li l-Prim Ministru qiegħed iġib ruħu b’dan il-mod meta l-istess gvern li huwa jmexxi jrid litteralment jitfgħalna l-panelli jlellxu biex jiftaħar bil-viżjoni futuristika tal-2050!

Nemmen li jkun mhux biss żball imma saħansitra daqqa ta’ ħarta għad-demokrazija jekk allegazzjonijiet mill-aktar serji, magħmula taħt ġurament minn Imħallef sedenti jiġu injorati bħallikieku qatt ma kien xejn

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 26 ta’ Frar, 2026.