Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister tar-Riforma Kostituzzjonali,
l-Identità Nazzjonali u d-Djalogu Interkulturali
- Persuna ffurmata u ppreparata fit-toroq twal li l-ġurnaliżmu kostanti, attent u assidwu jixraq li fil-fatt jagħti u jingħata. Laurence Grech kien proprju dan. L-editur li lħaqt u segwejt fil-kitbiet u d-direzzjoni li s-Sunday Times of Malta kienet tieħu. Kien ċar u kellu boxxla morali soda. Daqshekk ieħor formazzjoni klassika marbuta mal-letteratura u l-kultura. Attent f’dak li huwa għaddej u ma jiġrix jikkundanna imma jħares fit-tul. F’dak li qiegħed jikteb u f’dak li ser iseħħ ma kienx jiġri. F’ħafna, il-kreddibiltà u l-fatt li l-gazzetta għadha tinxtara huwa tiegħu wkoll.
Kostanti
- F’dan kien dritt iħares li ma jkunx hemm tibdil fil-linja politika tal-gazzetta. Kontinwazzjoni mal-passat tagħha u fl-istess ħin ftuħ għall-isfidi tas-soċjetà li bdiet il-proċess li ġiebha fejn aħna llum. Kellu valuri li ħaddan u assigura li ma jkunx differenti milli hu. Wisq anqas ipprova jintgħoġob, inkella li jweġġa’ lill-oħrajn. Ħareġ gazzetta mill-fosdqa antika tagħha sabiex tkun iktar waħda viċin iċ-ċentru politiku moderat. Dan għax f’qalbu kellu l-importanza tal-umiltà f’dak li wieħed ikun qiegħed jaffronta. Qalb miftuħa, u li kien deċiż li jgħallem u li jgħaddi kemm seta’ lil dawk li kienu madwaru. Ma kellux suppervji, wisq inqas arroganzi. Ried li jwettaq dmiru b’determinazzjoni u b’dożi sbieħ ta’ umiltà.
Intelliġenti
- Kien jifhem dak li qiegħed isir, u fl-istess ħin kien kapaċi japprezza dak li l-klassi politika qed tipprova twettaq. L-iktar l-għarfien li l-bniedem jiżbalja, u ħafna. Il-kawtela intelliġenti tiegħu assiguratlu l-għeruq ta’ tjubija li kellu. Mhux ser iċedi malajr il-punt imma fl-istess ħin jagħraf il-preġudizzji u l-ġudizzji veloċi li ċerti drabi jakkumpanjaw lill-bnedmin. F’ħafna ftakart f’dak li qrajt reċentement fil-ktieb ta’ Gianrico Carofoglio (1961), Elogio dell’ignoranza e dell’errore, meta kiteb hekk: “La buona politica ama gli errori intelligenti, quelli che, riconosciuti ed emendati, migliorano la comprensione e l’azione. Un criterio valido per valutare lo spessore e l’intelligenza di un politico (ma, a ben vedere, di chiunque) consiste nel porgli qualche semplice domanda sugli errori che ha commesso.” (Il-politika t-tajba tħobb l-iżbalji intelliġenti, dawk li, meta aċċettati u emendati, iwettqu aħjar l-għarfien u l-azzjoni. Kriterju validu biex tqis il-konsistenza u l-intelliġenza ta’ politiku (imma, fil-fatt, ta’ kull persuna) jikkonsisti f’li tressaqlu domandi sempliċi fuq l-iżbalji li kien wettaq.)
Dak li kien
- Fis-servizz iebes u xejn faċli ta’ Editur assigura li jiġu mistoqsija d-domandi sempliċi u diretti fuq l-iżbalji li saru. Biss kellu fih diġà l-għarfien li waqt li jwettaq dan, li l-iżball huwa uman, u li huwa neċessarju, fl-iżvilupp tas-soċjetà demokratika. Mhux biss, iżda d-domanda sempliċi kienet issir proprju f’dak l-isfond uman. Mhux forma ta’ argużin modern, jew ġustizzjier, imma uman ma’ uman, li wara għandu l-obbligu jirrapporta lura lill-qarrejja dak li ntqal. F’dan ġieb ħafna rispett, u rari kont tarah issib politiċi javversawh jew jikkunsidrawh żleali jew “għadu”. Kont taf fejn hu u fejn hija l-gazzetta, u għalhekk stajt tkellmu jew tirrifjuta u ma tkunx waqgħet id-dinja.
Ir-Raba’ Kolonna
- F’dan kien dak li assigura iktar rispett lejn ir-Raba’ Kolonna tad-demokrazija. Parti ma’ żmien fejn kien akkumpanjat minn numru ta’ Edituri ta’ gazzetti oħra li kellhom l-abbiltajiet tagħhom. Kien parti minn ġurnaliżmu matur u li mhuwiex mibni fuq sensazzjonaliżmu temporanju. Dan seta’ jwettqu u jbasktu għax ma waqafx jifforma u jistruwixxi ruħu. F’dan kien iħobb lil dawk li jsegwu politika ta’ kultura u japprezzahom. Kien kapaċi wkoll jgħid le lil ċerti pressjonijiet li l-bnedmin jivvintaw b’għaqal u anki b’diplomazija kbira. Meta huwa ma baqax editur, il-gazzetta, inevitabilment, tilfet il-wirt u l-arti li kien bena. Però għal ulied is-sewwa kien stabbilixxa mudell ta’ kif timxi fit-triq tal-ġurnaliżmu modern. Wieħed li f’dan għandu jingħata ġieħ kif verament mistħoqq.
Napprezzaw - F’dan ngħid li għandna napprezzaw ferm iktar lill-ġurnalisti, lill-edituri li aħna għandna fil-pajjiż u fil-partit tagħna. Is-sagrifiċċji li jsiru minnhom huwa ftit ikkunsidrat. Ħafna ħin iebes, u anki l-għarfien li jridu jkunu skomdi f’dak li jiktbu u jikxfu. Ir-rapporti u l-mod ta’ kif dawn jinkitbu mhumiex tazza ilma. Jitolbu l-attenzjoni u r-rispett tagħna. L-iktar, f’dan il-perjodu, is-sostenn kostanti tagħna. Hemm bżonn li bħala pajjiż, u bħala partit, infakkru u ninsistu li l-gazzetti huwa fl-interess kollettiv tagħna li jinxtraw u jinqraw. Bnedmin jiktbu fuq bnedmin oħra biex jinfurmaw daqshekk ieħor bnedmin oħra. Bnedmin li fl-umiltà tal-iżball jifhmu aktar xi tfisser li tkun għas-servizz siewi tal-oħrajn.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 22 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

