Internazzjonali

Stati Uniti-Iran: Taħditiet kruċjali fid-dell tal-azzjonijiet militari potenzjali

Is-sitwazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran għadha ferm inċerta u meta mhux maħsub li l-aħħar rawnd ta’ negozjati bejn ir-Rappreżentanti ta’ dawn il-pajjiżi se jkunu biżżejjed biex, ‘il quddiem, jevita konfront militari fuq livell limitat.

Intant, l-uffiċjali Amerikani u Iranjani, fl-aħħar sigħat, kienu qed jiltaqgħu fl-Iżvizzera għal tielet rawnd ta’ taħditiet indiretti…Djalogu meqjus bħala ‘l-aħħar ċans’ biex tiġi evitata azzjoni militari fuq l-Iran u meta l-President Amerikan Donald Trump qed iħalli din it-theddida miftuħa jekk kemm-il darba l-Iranjani ma jaqblux dwar il-konklużjoni tal-programmi nukleari tagħhom.

Id-dell tal-gwerra, sadanittant, għadu jinħass sew fir-reġjuni tal-Golf u l-Lvant Nofsani…

Dan meta l-preżenza tal-bastimenti tal-gwerra, inklużi aircraft carriers, tal-Istati Uniti fl-ibħra ‘il hinn mill-Iran hi indikazzjoni li l-qawwiet inkwistjoni jinsabu fuq ‘standby’ għal kwalunkwe direttiva uffiċjali għall-azzjoni kontra l-Istat Iżlamiku.

Il-build-up militari huwa l-akbar mill-Istati Uniti fil-Lvant Nofsani mindu l-qawwiet Amerikani – bħala parti minn koalizzjoni militari bis-sehem ta’ diversi pajjiżi – kienu invadew lill-Iraq fl-2003.

Sadanittant, l-Iran wassal il-messaġġ li mhux se jkun intimidat quddiem il-politika aggressiva tal-Istati Uniti u fejn mill-ġdid wissa li jirriserva d-dritt biex jattakka lill-bażijiet tal-Amerikani fir-reġjun f’każ li l-Amerikani jiftħu offensiva fuq l-artijiet tiegħu.

Fl-istess ħin, l-aħħar taħditiet bejn id-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti u l-Iran qed isiru taħt il-medjazzjoni ta’ Badr Albusaidi, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Oman. Intant, il-Ministru tkellem b’ton pjuttost ottimist meta qal li n-negozjaturi qegħdin jidhru miftuħa għal ‘soluzzjonijiet kreattivi’ biex is-sitwazzjoni tikkalma.

Madankollu – u waqt li qal li jemmen fid-diplomazija — il-President Trump jidher kważi deċiż li jwettaq azzjoni militari kontra l-Iran…L-esperti, fil-fatt, qed jaraw indikazzjonijiet ċari dwar dan wara li l-President, waqt id-diskors ‘State of the Union’ ta’ din il-ġimgħa, tenna li l-Iran qiegħed jipproduċi l-armamenti għall-qerda tal-massa li fost oħrajn kapaċi jolqtu direttament lill-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, Trump hu lest li jirrikorri għal kollox biex jipperswadi lill-Iran biex jirrinunċja għan-nukleari. Min-naħa tagħhom, l-Iranjani, għalissa, qed jiċħdu d-domandi biex ma jkomplux bl-irraffinar tal-uranjum li jista’ jintuża fil-produzzjoni tal-armamenti nukleari – madankollu, hemm ukoll sinjali li Tehran lest biex joffri xi konċessjonijiet dwar il-programmi nukleari tiegħu.

Hu anki indikattiv li l-President Trump ma spjegax bl-eżatt dak li qed jinsisti għalih fin-negozjati inkella għalfejn azzjoni militari ġdida qed tidher ‘neċessarja’, proprju tmien xhur wara li l-qawwiet Amerikani kienu bumbardjaw il-faċilitajiet nukleari tal-Iran waqt il-gwerra bejn ir-reġim ta’ Tehran u Iżrael.