Lokali

Tikber il-pressjoni fuq Abela u l-Ministri tiegħu

Il-pressjoni fuq Robert Abela hija kbira. U dan ikkonfermawh diversi sorsi mill-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Wara li kien hemm leak ieħor mill-Grupp Parlamentari – konferma li l-laqgħa skedata għall-Ħamis kellha tiġi posposta.

Din il-pressjoni fuq il-Mexxej Laburista kompliet tiżdied pertikolarment din il-ġimgħa, meta kompliet tinkixef l-attitudni ta’ Abela; li għalih l-ewwel il-partit u mhux l-interess nazzjonali – dejjem skont dak li kiteb  l-Imħallef Wenzu Mintoff.

Ittra ġuramentata li għall-Gvern kienet bħal “bomba” – qatt qabel ma rajna xi ħaġa bħalha fix-xenarju politiku lokali. Dikjarazzjoni li takkuża lill-Prim Ministru li għalih jiġu l-ewwel il-flus, flimkien ma’ akkużi oħrajn ta’ theddid fuq impjegata tal-Qorti.

Bis-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield jgħid li dawn, skont hu, kienu affarijiet li “jagħmlu l-avukati ta’ kuljum”.

Fl-istess waqt, membri oħra tal-Kabinett iddikjaraw ma’ Net News li “kollox għandu l-ħin tiegħu”, filwaqt li kien hemm anke wħud li qalulna li mhux kompitu tagħhom jikkummentaw fuq dawn l-akkużi serjissimi li saru minn Imħallef.

Intant, sorsi qrib deputat partikolari qalulna li minn ġewwa hemm pressjoni kbira fuq Robert Abela, għaliex qed jibqa’ jdaħħal lil-Labour f’kontroversji bla bżonn. Bl-aħħar każ ikun proprju dan tal-Imħallef Wenzu Mintoff, u l-mod kif ġie trattat mil-Leader Laburista.

Deputati oħrajn huma urtati għall-fatt li xtaqu li jintlaħaq qbil fuq il-Prim Imħallef biex jitwassal messaġġ ta’ unità nazzjonali – iżda fl-istess waqt, innutaw kif Abela kien aktar interessat fl-istatura ta’ Alex Borg milli fil-ġid nazzjonali.