Lokali

Żvelat kif il-kumpanija ta’ Abela “ġriet wara l-flus”

Waslet il-konferma illi l-kumpanija legali ta’ Robert Abela verament fittex li tieħu aktar flus mill-Qorti bħala ħlasijiet marbutin mal-każ traġiku ta’ Paqpaqli.

Wara l-allegazzjonijiet ġuramentati mill-Imħallef Wenzu Mintoff, li Abela “kien jinteressah aktar mill-flus milli mill-indipendenza tal-ġudikatura”, il-Prim Ministru kien iddikjara li hu ma tħallasx – hekk kif, skont hu, ħadem mingħajr ħlas.

Iżda issa, l-midja indipendenti kkonfermat li filfatt, Robert Abela baqa’ jiġri wara l-flus. U minflok kien sodisfatt b’dak li ddikjarat li għandu jieħu l-Qorti, ried jieħu somma akbar wara l-out of court settlement.

Filfatt, it-Times of Malta spjegat illi dokumenti tal-Qorti urew kif il-kumpanija ta’ Robert Abela argumentat illi l-ispejjeż għal dan il-każ għandhom ikunu kkalkulati abbażi tal-ftehim li laħħaq il-miljuni; u li ntlaħaq bejn il-Malta Community Chest Fund u l-vittmi ta’ Paqpaqli lura fl-2015. Iżda sa tliet snin wara, meta Abela kien deputat fil-Parlament, hu kien għadu qed jippressa għal aktar flus. Bl-Imħallef Mintoff jakkużah li saħansitra hedded impjegata tal-Qorti.

Il-midja indipendenti spjegat li dokument tal-Qorti parzjalment jikkonferma l-allegazzjonijiet li saru mill-Imħallef Wenzu Mintoff u cioè li Abela għamel pressjoni lil din l-impjegata tal-Imħallef Wenzu Mintoff sabiex din tikkalkula l-ispejjeż abbażi tal-ftehim li jlaħħaq miljuni ta’ ewro.

Apparti minn hekk, is-sit The Shift News qed jindika li Robert Abela ried €24,000 f’pagamenti u mhux il-€500 li tħallas wara l-out of court settlement.

L-akkużi li għamel l-Imħallef Wenzu Mintoff fl-ittra li kiteb taħt ġurament jikxfu min hu verament Robert Abela; u din hi biss waħda minn diversi akkużi li saru fl-ittra ġuramentata tal-Imħallef – akkuża li issa jista’ jaraha kulħadd anke permezz tal-billboards li ittellgħu fit-toroq fl-aħħar sigħat mill-PN.