Clyde Caruana u Robert Abela kellhom diżgwid kbir rigward iċ-ċerimonja tal-Vision 2050 li se ssir illejla. Dan ġie żvelat ma’ Net News minn uffiċjal għoli fil-Labour, hekk kif qed ikomplu jiżdiedu l-leaks mill-qalba tal-Partit Laburista.
Skont dan is-sors, il-Ministru tal-Finanzi esprima b’mod mill-aktar ċar id-diżapprovazzjoni tiegħu dwar l-infiq esaġerat għal din iċ-ċerimonja.
“Clyde qallu b’mod ċar li mhux se jiddefendi l-ispiża ta’ din iċ-ċerimonja”, stqarr dan l-uffiċjal urtat bis-sitwazzjoni preżenti.
Dan is-sit jinsab f’pożizzjoni li jikkonferma li l-Ministru telaq kmieni ferm mil-laqgħa – kif jixhdu filmati u ritratti ta’ Net News (fuq).
Clyde Caruana, fil-fatt, spiċċa telaq f’nofs il-laqgħa; meta f’dak il-ħin kien hemm saħansitra deputati li kienu għadhom deħlin għall-Grupp Parlamentari li tlaqqa’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Din il-laqgħa kienet ġiet posposta mill-jum ta’ qabel, kif żvela propju Net News wara leak ieħor li wasal għandna.
Mhux lest jiddefendi n-nefqa
Informazzjoni li waslet mill-Ministeru tal-Finanzi tindika li r-rabja tal-Ministru tant hi kbira li nstema’ jgħid li mhu lest jiddefendi l-ebda argument ta’ Robert Abela dwar din in-nefqa. Nefqa ta’ miljuni ta’ ewro, intiżi biss biex iwasslu l-propoganda tal-Gvern. Nefqa li setgħet waslet biex sar investiment ieħor f’setturi li tant għandhom bżonn.
Sorsi tagħna spjegaw li dan l-argument ħoloq sens ta’ arja tqila fil-Labour, fil-jum li fih l-Prim Ministru għandu jispjega s-suppost viżjoni tiegħu għal pajjiżna – mibnija fuq viżwal sabiħ.
Intant, din in-nefqa wasslet biex id-daħla tal-Belt ingħalqet b’armar bombastiku u esaġerat.
//= $special ?>

