Futbol Sport

Floriana jfittxu tmiem ta’ ċiklu bla rebħ kontra Ħamrun Spartans

Juninho Cabral jiċċelebra l-gowl fl-aħħar rebħa ta' Floriana kontra Ħamrun Spartans sal-lum, fi Frar tal-2018. (Ritratt ta' Joe Borg)
Juninho Cabral jiċċelebra l-gowl fl-aħħar rebħa ta' Floriana kontra Ħamrun Spartans sal-lum, fi Frar tal-2018. (Ritratt ta' Joe Borg)

Nhar il-Ħadd, l-akbar sfidanti għar-rebħ tal-Kampjonat jaffrontaw lil xulxin, b’Floriana llhom tmien snin sħaħ ma jiksbu rebħa kontra Ħamrun Spartans

Iċ-champions Ħamrun Spartans u l-leaders attwali tal-Closing Round, Floriana se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin fil-partita tal-ġimgħa minn match day 25. Ir-riżultat li se jkolna f’dan il-konfront li se jintlagħab nhar il-Ħadd li ġej, jista’ jara bidla fil-kmand tal-klassifika, f’każ li Ħamrun Spartans jiksbu rebħa kontra l-Greens.

Dan għaliex attwalment id-differenza bejn it-tnejn fil-klassifika hi ta’ żewġ punti, b’Floriana jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika, b’sitt rebħiet minn tmien partiti u ebda telfa f’dan l-istadju tal-Kampjonat.

Ħamrun Spartans ukoll għadhom ma tilfux logħba fil-Closing Round, bid-differenza li kellhom draw aktar minn Floriana.

M’hemmx dubju li d-dwell dirett ta’ nhar il-Ħadd li ġej se jkun wieħed missielet u mistenni. Għalkemm l-eżitu tar-riżultat ta’ dan il-konfront mhux se jkun qed jiddeċidi ebda verdetti, wieħed irid jifhem x’effett x’bidla se jkun hemm fil-klassifika tal-Malta Premier, skont l-eżitu tar-riżultat. Bl-istess mod li Ħamrun Spartans jitilgħu fl-ewwel post jekk jirbħu kontra Floriana, wieħed ma jridx jinsa ukoll x’saħħa jkollha rebħa ta’ Floriana fil-logħba ta’ tmiem il-ġimgħa.

L-unika problema li għandhom Floriana qabel din il-partita, hija li jirnexxilhom jissuperaw l-iżblokk mentali tagħhom qabel konfront dirett kontra Ħamrun Spartans. Dan għaliex l-istatistika turina biċ-ċar li fl-aħħar snin, konfront wara l-ieħor, kull darba li Floriana ġew biex jaffrontaw lil Ħamrun Spartans, huma qatt ma rebħu.

Jekk inħarsu lejn l-aħħar għaxar konfronti diretti bejn  Ħamrun Spartans u Floriana, tal-ewwel rebħu sitt darbiet, bil-bqija tal-partiti jispiċċaw fi draw. Konfront minn dawn l-erbgħa li spiċċaw f’parita, kien intrebaħ minn Ħamrun Spartans 4-2 wara l-għoti tal-penalties. Din kienet il-partita li ntlabgħet staġun ilu, fit-tmiem tal-istaġun, fis-semi-finali tal-Final Four għar-rebħ tal-Malta Premier, b’Ħamrun Spartans u Floriana dak in-nhar baqgħu fi draw sal-120 minuta u kellhom ikunu l-għoti tal-penalties biex jiddeterminaw min kien se jgħaddi għall-finali tal-Final Four.

L-istatistika turi li Floriana llhom tmien snin sħaħ ma jiksbu rebħa kontra Ħamrun Spartans, meta nharit-3 ta’ Frar 2018, Floriana, dak in-nhar taħt it-tmexxija tal-kowċ, Nicolas Chiesa, kienu għelbu lill-Ħamruniżi, li kellhom bħala kowċ lil Jacques Scerri, 1-0. L-iskorer tal-gowl, ta’ dik li sal-lum hija l-aħħar rebħa ta’ Floriana kontra Ħamrun Spartans, kien Juninho Cabral, attakkant Brażiljan li llum għandu 33 sena u għadu jilgħab.

L-eks plejer ta’ diversi klabbs f’Malta, fosthom Senglea Athletic, Tarxien Rainbows, Marsaxlokk u SK Victoria Wanderers f’Għawdex, preżentament qed jilgħab fit-Tieni Diviżjoni tal-Indoneżja ma’ Sumsel United.