Internazzjonali

Il-Pakistan fi gwerra ‘totali’ mal-Afganistan

Il-Ministeru tad-Difiża tal-Pakistan iddikjara li pajjiżu jinsab fi ‘gwerra totali’ mat-Taliban, il-moviment tal-militanti Iżlamiċi li ilu jmexxi lill-Afganistan bil-ponn tal-ħadid għal dawn l-aħħar snin.

Id-dikjarazzjoni ħarġet wara li l-qawwiet tal-ajru Pakistani wettqu sensiela ta’ attakki fuq Kabul, il-kapitali tal-Afganistan, kif ukoll fuq diversi zoni ta’ dan il-pajjiż.

Il-Gvern Pakistani sostna wkoll li tilef is-sabar quddiem it-theddid tat-Taliban Afgan u meta tal-aħħar ħabbru li kienu qed iwettqu offensiva kbira kontra l-bażijiet militari tal-Pakistani viċin il-fruntiera tal-Afganistan.

Fl-aħħar xhur ukoll seħħew numru ta’ konfronti militari bejn l-Istati ġirien u minkejja li huma, f’Ottubru, kienu qablu dwar waqfien mill-ġlied…Ftehim li baqa’ f’periklu li jikkrolla minn ħin għall-ieħor u bħalma kellu jseħħ proprju sigħat ilu.

In-negozjati tas-sena l-oħra bejn l-Afganistan u l-Pakistan naqsu milli jirrealizzaw ftehim konkret dwar tmiem assolut għall-ostilitajiet fiz-zona tal-fruntiera. Dan waqt li l-Pakistani u t-Taliban Afgani akkużaw lil xulxin b’li mhumiex jitrattaw in-negozjati bis-sigurtà li jixirqilhom.

Intant, is-sitwazzjoni krollat għal kollox wara li t-Taliban Afgan, fil-lejl tal-Ħamis, ikkonferma numru ta’ azzjonijiet li fihom il-militanti ħatfu l-kontroll ta’ diversi pożizzjonjiet tat-truppi Pakistani flimkien ma talanqas żewġ bażijiet militari tal-Pakistan.

Madankollu, is-sorsi indipendenti fir-reġjun ma setgħux jikkonfermaw dawn ir-rapporti – bil-Pakistan jirritalja bl-attakki fuq Kabul u bnadi oħra fl-Afganistan fejn it-Talibani għandhom diversi ċentri tal-kmand.

Il-kelliema għall-Armata Pakistana qalu li t-Taliban kien ikkalkula ħażin iċ-ċirkustanzi fost akkużi li l-militanti Afgani Iżlamiċi kienu fetħu n-nar mingħajr provokazzjoni fuq diversi lokalitajiet qalb iz-zona tal-fruntiera komuni.

Ingħad li l-attakki tat-Taliban ikkonċentraw l-aktar fuq l-inħawi fil-provinċja ta’ Khyber Pakhtunkhwa – bil-qawwiet tas-sigurtà Pakistani jirreaġġixxu b’mod effettiv u immedjat għat-theddida.

Dan qabel il-qawwiet tal-ajru Pakistani wettqu numru ta’ rejds fuq l-Afganistan u li fihom intlaqtu l-miri fl-ibliet ta’ Kabul, Kandahar u Paktika.

L-uffiċjali militari Pakistani, fl-aħħar sigħat, qalu li fl-attakki ntalqtu bejn 20 u 30 mira militari tat-Taliban u fejn inqatlu ‘il fuq minn 200 militant. Dan meta tilfu ħajjithom ukoll numru mhux speċifikat ta’ suldati Pakistani.

Il-kelliema għat-Taliban f’Kabul, iżda, irrevedew dawn in-numri u qalu li tilfu biss ammont żgħir ħafna ta’ ġellieda. L-istqarrija kompliet li ċ-ċivili kienu ġarrbu l-agħar impatt tal-azzjonijiet mill-qawwiet tal-ajru Pakistani.

Hawnhekk, għal darb’oħra, il-media barranija ma setgħetx tivverifika ċ-ċifri pubblikati miż-żewġ pajjiżi u li jistgħu ma jirrflettux ir-realtà tas-sitwazzjoni.