“Jekk f’pajjiżna ma jsir xejn, fi ftit snin oħra l-qasam tal-catering jista’ jkun dominat kważi kompletament minn barranin. Huwa sabiħ li jkollna togħma internazzjonali, iżda huwa kruċjali li nipproteġu u nżommu ħajjin in-negozji Maltin. Mhux għal protezzjoni żejda, imma għal bilanċ u ġustizzja.”
Hekk stqarr ix-chef Sean Gravina f’messaġġ li ppubblika fuq il-media soċjali, fejn insista li dan mhux attakk, iżda sejħa għal riflessjoni u għal azzjoni.
“Jekk irridu industrija b’saħħitha, trid tkun waħda sostenibbli għall-Maltin ukoll. Nittama li jekk gej xi ċaqliq fil-futur viċin, il-partiti kollha jaħsbu sew fuqha u jieħdu deċiżjonijiet li verament jagħtu nifs u ġustizzja lill-qasam”.
Sean Gravina rrefera fost l-oħrajn għad-diskrepanza li teżisti fil-ħlas tat-taxxa bejn negozji Maltin u oħrajn barranin – li huma aġevolati aktar. U spjega li l-Malti qed jispiċċa f’pożizzjoni iżjed dgħajfa f’pajjiżu stess.
“Qed nitkellmu fuq nies li l-għajxien tagħhom jiddependi minn dan. Qed nitkellmu fuq familji”, stqarr Gravina fuq Facebook.
Sean Gravina spjega wkoll li l-VAT illum hija għolja wisq għar-realtà tal-catering – xi ħaġa li l-ACE ilha tħanbaq dwarha diversi xhur. Anke l-PN qed jappoġja l-idea li titnaqqas ir-rata għal dan is-settur. Iżda l-Gvern, budget wara l-ieħor, baqa’ ma għamel xejn.
“Dan hu il mument”, temm jgħid Sean Gravina.



