Statistika tal-NSO għall-ewwel xahar tas-sena l-ġdida turi li bdejna s-sena l-ġdida bi €11.4 biljun f’dejn, żieda ta’ €812-il miljun fuq sena ilu.
Robert Abela beda s-sena l-ġdida eżatt kif spiċċa dik ta’ qabilha: jiddejjen aktar minn qatt qabel.
Ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-finanzi tal-gvern juru li, eżatt bħas-sena ta’ qabel, id-dejn ta’ pajjiżna kompla jiżdied.
Skont l-istatistika tal-NSO, pajjiżna beda s-sena 2026 bid-dejn tal-gvern ilaħħaq €11,374 miljun. Din iċ-ċifra ta’ €11.4 biljun f’dejn hija ewkivalenti għal kważi €28,000 f’dejn għal kull ċittadin Malti u Għawdxi.
Il-livell qawwi ta’ dejn li qed ikompli jgħabbi lill-poplu bih Robert Abela, ifisser li Abela, f’sena waħda biss, irnexxielu joħloq €812-il miljun f’dejn ġdid. Fil-fatt id-dejn fl-aħħar ta’ Jannar li għadda żdied bi 8% fuq Jannar tal-2025. Dan ikompli jikkonferma wkoll li kemm ilu li sar Prim Ministru, Robert Abela ddejjen aktar mill-Prim Ministri kollha ta’ qablu, Laburisti u Nazzjonalisti, flimkien.
Bil-politika ta’ Gvern Laburista, id-dejn se jkompli jirranka fis-snin li ġejjin biex sal-2028, nilħqu rekord ġdid ta’ aktar minn €14-il biljun. Dan ikun ifisser li filwaqt li sa issa Robert Abela għamel id-doppju tad-dejn li għamlu ta’ qablu, sa tliet snin oħra, se jkun ittrippla d-dejn.
Maż-żieda fid-dejn rekord, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Dan issa jammonta għal €23 miljun.
F’dak li huwa l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern, fil-bidu ta’ din is-sena dan kien fil-livell ta’ €151 miljun.
Malta tinsab fi Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv li daħħalna fiha l-Gvern Laburista f’Lulju tas-sena 2024. Dan minkejja li f’April li għadda, il-Ministru tal-Finanzi kien ftaħar li Malta se toħroġ minn din il-proċedura kmieni.
Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv tal-Gvern, grupp ta’ esperti maħtura mill-Ministru għall-Finanzi bl-għan li jevalwaw il-politika finanzjarja u ekonomika tiegħu, ftit ilu wissa li l-infiq tal-Gvern se jpoġġi lil pajjiżna f’qagħda vulnerabbli, u appellalu biex isaħħaħ il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna.
Il-Gvern qed ikompli jżid id-dejn minkejja li llum kulħadd qed jirrikonoxxi li xorta mhu qed isir xejn biex jiġu indirizzati l-akbar problemi tal-pajjiż. Fl-aħħar ġimgħat, rapport dettaljat tal-Fond Monterarju Internazzjonali (IMF) xeħet dawl fuq kif pajjiżna huwa mifni bi problemi infrastrutturali frott mudell ekonomiku żbaljat, fosthom fil-qasam tat-traffiku, it-tkabbir bla pjan tal-popolazzjoni u problemi oħrajn. Dan minbarra problemi fl-infrastruttura tal-iskejjel, kjuwijiet fl-isptarijiet u tniġġis fil-baħar li għalihom bqajna bla soluzzjonijiet.
Filwaqt li l-Gvern ma sabx flus għal dawn l-isfidi li qed idgħajfu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi, ta’ kuljum nisimgħu stejjer ta’ nfiq bl-addoċċ, fuq konsulenzi għal tal-qalba, reklamar u propoganda u f’impjiegi fantażma, fosthom 50 miljun ewro li b’xi mod intefqu mill-Air Malta li issa kważi għalqet sentejn magħluqa.
Filwaqt li Robert Abela jaħseb mhux ftit kif se jħalli aktar flus f’butu, tant li fl-aħħar jiem saħanistra kellna mħallef jistagħġeb bir-regħba tiegħu, mhux l-istess jista’ jingħad għall-mod kif mexxa l-finanzi ta’ pajjiżna: rekord ta’ dejn, li għalih iridu jagħmlu tajjeb ġenerazzjonijiet sħaħ.
//= $special ?>

