Internazzjonali

L-Iran….Eżodu tal-istaff mill-ambaxxati fost is-sħab tal-gwerra

Qed tidher dejjem reali gwerra ġdida bejn l-Istati Uniti u l-Iran, b’numru ta’ pajjiżi qed jirtiraw l-istaff mill-Ambaxxati tagħhom f’Tehran, il-kapitali Iranjana.

Intant, żdiedu t-twissijiet tal-pajjiżi biex iċ-ċittadini tagħhom fl-Iran jitilqu mill-pajjiż Iżlamiku mill-aktar fis biex ma jinqabdux fl-eqqel ta’ xi ostilitajiet ġodda….It-twissijiet qed japplikaw ukoll għaċ-ċittadini Ewropej li jinsabu f’pajjiżi oħrajn tal-Lvant Nofsani u li qed ikunu mħeġġa biex jitilqu mir-reġjun.

L-Istati Uniti u r-Renju Unit kienu l-ewwel pajjiżi li bdew joħorġu lill-istaff minn Tehran – bl-Amerikani jinsistu biex l-istaff tagħhom li mhumiex meqjusa neċessarji jitilqu mill-kapitali Iranjana mill-aktar fis.

It-tensjoni rrankat wara li d-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti u l-Iran kellhom l-aħħar sensiela ta’ taħditiet dwar il-programmi nukleari tal-Iran….Taħditiet meqjusa bħala l-aħħar ċans għall-Iranjani biex ixolju dawn il-programmi u jevitaw attakk mill-battle groups tal-Amerikani fl-ibħra tal-Golf.

Fl-aħħar sigħat ukoll kien ikkonfermat li ċ-Ċina, il-Kanada u l-Indja ukoll kienu qed javżaw liċ-ċittadini tagħhom biex jitilqu mill-Iran minħabba l-prospett kbir ta’ gwerra.