Negozjant tal-karozzi akkużat li seraq vetturi lussużi b’valur stmat ta’ madwar €1 miljun qal lill-pulizija li ħadhom għax kien jemmen li sid tagħhom kien miet. Adrian Muscat, magħruf ukoll bħala ‘Galletta’, kien qed jixhed fil-Qorti waqt proċeduri marbuta mas-serq allegat ta’ Audi S7, Bentley Continental u Rolls-Royce Ghost mill-parkeġġ tal-Malta Marriott Hotel & Spa fil-Balluta ġewwa San Ġiljan aktar kmieni dan ix-xahar.
Muscat jinsab akkużat b’ħasil ta’ flus u serq tal-vetturi msemmija. Fil-Qorti sostna li ħa l-karozzi biex iżommhom fis-sigurtà sakemm ulied ir-raġel li kien jaħseb li miet jaslu Malta. Aktar tard irriżulta li waħda biss mill-vetturi kienet tappartjeni lir-raġel imsemmi.
Filmati tas-CCTV miksuba mill-pulizija juru tow truck ineħħi waħda mill-vetturi għall-ħabta tal-4pm tat-2 ta’ Frar, bil-pulizija tistabbilixxi li Muscat kien talab servizzi ta’ rmonk minn MET biex jitneħħew żewġ karozzi dakinhar. Il-Bentley kienet irreġistrata fuq Ibrahim Halim, li kien irrappurtat nieqes u aktar tard instab mejjet f’Park Towers, San Ġiljan. Ir-Rolls-Royce tneħħiet fl-istess jum, filwaqt li Muscat jinsab akkużat ukoll bis-serq tal-Audi.
Il-pulizija sabu waħda mill-vetturi barra x-showroom tal-imputat u tnejn oħra f’għalqa. Fl-istess ħin li l-pulizija kienu qed ifittxu l-karozzi nieqsa, ħabib ta’ wieħed mis-sidien kien qed ifittex ir-Rolls-Royce. Aktar tard ħareġ li l-imputat kien qabel ma’ dan il-ħabib biex jirritorna l-karozza, iżda pospona l-laqgħa. L-għada deher fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
L-Ispettur Shawn Pawney xehed li Muscat “ikkopera bis-sħiħ” u qal lill-pulizija li kien “semagħha” li Halim miet u għalhekk iddeċieda jieħu ħsieb il-karozzi tiegħu sakemm uliedu jaslu minn barra. Spjega wkoll li hemm investigazzjoni separata dwar vetturi oħra rreġistrati fuq Halim li ttieħdu minn terzi.
Taħt kontro-eżami mill-Avukat Franco Debono, l-ispettur ikkonferma li tliet vetturi oħra rreġistrati fuq Halim ittieħdu minn persuni oħra, filwaqt li Muscat irrefera għal “ħabib tiegħi” meta tkellem dwar min ħa xi karozzi.
Fl-aħħar tas-seduta, id-difiża talbet tibdil fil-kundizzjonijiet tal-pleġġ biex il-curfew jinbidel mid-9pm sa nofsillejl u biex jiffirma darbtejn fil-ġimgħa minflok kuljum. Il-prosekuzzjoni qalet li tistenna provi li jiġġustifikaw tali tibdil, fid-dawl tas-serjetà tal-akkużi. Il-Qorti mistennija tiddeċiedi ‘in camera’ dwar din it-talba u diġà ddeċidiet li hemm biżżejjed provi prima facie biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat tal-AĠ Luigi Gulia flimkien mal-Ispettur Shawn Pawney. L-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb qed jidhru għall-imputat, filwaqt li Charles Mercieca u John Refalo qed jidhru bħala parte civile.
//= $special ?>

