Opinjoni

Opinjoni: 71,000 f’Malta jaqilgħu biss sa €1,000 fix-xahar… minn dawn 27,874 huma minn barra l-UE

Minn informazzjoni mitluba mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana jirriżulta li fl-2024 kien hawn f’pajjiżna 71,254 li kellhom paga sa’ €12,000 fis-sena. Minn ċifri li joħorġu minn 140 skala ta’ pagi jirriżulta li 71,763 li kellhom bejn €12,001 u €20,000 fis-sena; 55,511 li kien jaqbdu paga ta’ bejn 20,001 u €30,000; 39,827 li kellhom paga ta’ bejn €30,001 u €40,000; 25,337 kienu jaqbdu bejn €40,001 u €50,000; 14,987 bejn €50,001 u €60,000; 16,134 bejn €60,001 u €100,000 u 5,457 bi dħul ta’ iktar minn €100,001 fis-sena. L-inqas li jitħallsu huma dawk il-ħaddiema li jiġu pajjiżna minn barra l-UE. Fost dawn hemm 27,874 bl-inqas paga sa’ €12,000 u 33,415 bi dħul ta’ bejn €12,001 u €20,000. Ħaddiem minbarra l-pajjiżi tal-UE kien hawn 80,915 jaħdmu f’Malta fl-2024. Li jfisser li 75.8 fil-mija, iktar minn tliet kwarti, tal-ħaddiema li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea huma fl-aktar żewġ skaluni baxxi tal-pagi f’pajjiżna.

Joe M. Zahra


Mela fl-2024 kellna f’pajjiżna 71,763 ħaddiem li kienu jaqilgħu mhux iktar minn €12,000 fis-sena jew €1,000 fix-xahar. Minn dawn 30,242 kienu Maltin u Għawdxin. Fl-2024 il-paga minima f’pajjiżna kienet €925.34 fil-ġimgħa. Mhux ’il bogħod minn dak li kienu jaqbdu dawk it-30,242. Għalhekk tajjeb inkunu nafu kemm minn dawn il-Maltin kienu fuq il-paga minima.
Fl-ewwel erba’ kategoriji ta’ pagi hemm tlieta li huma ta’ ftit iktar minn 30,000 ħaddiem il-wieħed u fit-tielet grupp, dawk ta’ bejn l-€20,001 u t-€30,000 hemm 36,559.

Ħaddiema minn barra l-UE
Il-parti l-kbira tal-ħaddiema barra mill-Unjoni Ewropea għandhom dħul sa’ €20,000. B’27,374 jaqilgħu sa’ €12,000 fis-sena u 33,435 jaqilgħu bejn €12,001 sa’ €20,000.
Ma ninsewx li l-ħaddiema barra l-Unjoni Ewropea jinkludu wkoll pajjiżi Ewropej bħar-Renju Unit li mhumiex membri tal-UE. Għalhekk il-possibbiltà hija li l-ftit mijiet ta’ ħaddiema li jaqbdu iktar minn €40,000 fis-sena ġejjin minn pajjiżi Ewropej mhux minn dawk li jagħmlu parti mill-UE.
Kultant verament nibda ngħid kemm kellu raġun l-Eks Ministru Evarist Bartolo jfisser lil dawn il-ħaddiema bħala l-iskjavi moderni, wara li Napuljun kien neħħa l-iskjavitù minn Malta!
Għaliex tiskanta kif dawn, wara li jibagħtu dawk il-miljuni kollha barra pajjiżna lejn il-famiji tagħhom, wara li jħallsu l-kera, x’jibqgħalhom biex jgħixu. U mbagħad verament ikollok tgħid li dawn in-nies qegħdin sempliċiment jeżistu wara li nġiebu f’pajjiżna min jaf b’kemm wegħdi ta’ kundizzjonijiet mill-aqwa!
Dejjem dwar il-ħaddiema barranin! Filwaqt li 21 fil-mija tal-ħaddiema ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom pagi ta’ bejn €40,000 u iktar minn €100,000 fil-każ ta’ ħaddiema barra mill-Unjoni Ewropea f’dan il-‘bracket’ hekk biss ħamsa fil-mija, jew inqas minn kwart ta’ dawk mill-UE. Dan ikompli juri kemm il-ħaddiema minbarra l-UE qed jiġu sfruttati.
Min-naħa tal-Maltin il-bilanċ huwa ftit differenti. Hemm 65 fil-mija li jaqilgħu sa’ €30,000 fis-sena li 17.1 fil-mija jaqilgħu sa €12,000; 17.2 fil-mija bejn €12,001 u €20,000 u 20.7 fil-mija bejn €20,001 u €30,000. Il-bqija jaqilgħu iktar minn €30,000 (17.4 fil-mija bejn €30,001 u €40,000; 11.4 fil-mija bejn €40,001 u €50,000; 6.9 fil-mija bejn €50,001 u €60,000; 7.1 fil-mija bejn €60,001 u €100,000; u tnejn fil-mija iktar minn €100,000.
Dawn iċ-ċifri kollha, għalkemm jistgħu jdejjqu lil xi ħadd, jagħtu iżda il-kompożizzjoni tad-dħul tal-ħaddiema f’pajjiżna. Jagħtu stampa ta’ kemm ħaddiema huma fil-qigħ tad-dħul. Kemm minn dawn huma Maltin u kemm huma ħaddiema mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u kemm minn barra l-UE.
Dawn huma ċifri li għandu jagħti każ tagħhom il-Gvern fejn lil hinn mill-propaganda jrid jara għaliex f’pajjiżna hawn iktar minn 70,000 ħaddiem li jaqilgħu mhux iktar minn €1,000 fix-xahar li minnhom iktar min 30,000 huma Maltin. Fuq kollox kif dawn se jinħarġu minn din is-siwazzjoni fejn b’pagi bħal dawk mhumiex jgħixu iżda sempliċiment jeżistu.

L-ikel ikompli jogħla minkejja li ma nħallsux VAT fuqu

Is-sena li għaddiet l-ikel baqa’ jogħla f’pajjiżna. Fl-Unjoni Ewropea kien hemm 18-il pajjiż fejn l-għoli tal-ikel kien inqas minn tagħna. Kien hemm biss tmien pajjiżi fejn ir-rata tal-inflazzjoni tal-ikel kienet għola minn tagħna. L-ikel f’Malta huwa għoli minkejja li f’pajjiżna ma nħallsux VAT fuq l-ikel kif jagħmlu pajjiżi oħra tal-UE.
Deroga li għandna biss aħna u l-Irlanda. Li qabel kellu wkoll ir-Renju Unit qabel dan ħarġet mill-istess UE. Kieku ma kellniex dik id-deroga ara kemm l-ikel kien jogħla iktar. Id-deroga biex ma jitħallasx VAT fuq l-ikel kien kisibha għal Malta l-Ministru Tonio Fenech fi żmien il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi li kien anki intervjena mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel biex ingħatat.
Stramba kif pajjiż ieħor gżira bħalna, Ċipru, l-ikel fl-2025 mhux talli ma għoliex iżda r-rata tal-inflazzjoni tiegħu naqset bi 2.8 fil-mija. Pajjiż ieħor fejn naqset ir-rata tal-inflazzjoni tal-ikel kien l-Ungerija fejn ir-rata naqst b’1.4 fil-mija.
L-inflazzjoni tal-ikel taffetwa l-iktar lil dawk b’inqas dħul, lill-vulnerabbli u l-anzjani li terz ta’ dawk ta’ iktar minn 65 sena jinsabu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar. Kundizzjoni li tikber iżjed ma jogħla l-ikel u l-mediċini.
Huwa għalhekk li l-APAN ilha tinsisti biex ikun hemm kejl tal-inflazzjoni għall-anzjani biss! Meta jogħla l-ikel, l-anzjani jkollhom inqas flus f’idejhom x’jonfqu fuq affarijiet oħra u għalhekk awtomatikament jonqsilhom il-livell tal-għajxien tagħhom. Għaliex li jħallsu iktar f’ikel jonqos minn affarijiet oħra.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 27 ta’ Frar, 2026.