mid-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg
Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet maħruġa f’zoni pubbliċi u fuq bankini saret kwistjoni nazzjonali. Huma diversi dawk ir-residenti f’diversi lokalitajiet ta’ pajjiżna li qegħdin jilmentaw u jipprotestaw kif zoni pubbliċi qegħdin jispiċċaw meħuda min-numru ta’ entitatjiet kummerċjali li jagħmlu dawn il-bankini u zoni pubbliċi oħra bħala estensjoni tal-bar jew restorant tagħhom.
Jekk qabel kellna r-residenti ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira li jilmentaw minn dan l-abbuż, issa hawn anki r-residenti tal-Belt Valletta, Marsaskala, Birżebbuġa u saħansitra residenti ġewwa Għawdex, li qegħdin jilmentaw minn dan l-abbuż.
Għaldaqstant, ma nistgħux nibqgħu ndaħħlu rasna fir-ramel u ngħidu li din mhix problema jew inkella qegħdin naqbdu ma’ xi ħadd. Qiegħed ngħid dan għaliex issa għandna wkoll rapport mingħand l-Ombudsman, li mhux biss juri li dil-kwistjoni saret problema imma anki jagħtina diversi rakkomandazzjonijiet biex nindirizzaw din il-problema.
Ir-rapport jismu: Ensuring Safe and Unobstructed Mobility on Public Pavement and in Public Spaces.
lkoll naqblu li bħala Maltin li għandna klima Mediterranja, li nieklu u nieħdu kafè barra, dak li jissejjaħ ‘Al fresco’ hija esperjenza sabiħa. Din hija karatteristika li hija mfittxija anki mit-turisti, li jieħdu gost jieklu u jixorbu barra aktar u aktar meta huma jkunu ġejjin minn klima kiesħa.
Dan ifisser li l-imwejjed u s-siġġijiet huma xi ħaġa pożittiva li rridu nħarsu u ħadd mhu qiegħed jgħid li dawn ma għandhomx ikunu. Dak li diversi qegħdin jgħidu, fosthom issa anki l-Ombusman, huwa meta hemm l-abbuż u tteħid komplut ta’ zoni pubbliċi. Dan huwa l-punt kollu li hemm bżonn ordni u bilanċ bejn l-interess pubbliku u l-interess kummerċjali. Ma jistax ikun hemm zbilanċ dejjem favur l-interessi kummerċjali u naqgħu u nqumu mill-interess tar-residenti.
U biex ikun hemm dan il-bilanċ, l-Ombusman qiegħed jagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet fosthom:
Mhux kulma għandu toqba ta’ restorant jew bar jaħseb li għandu xi dritt li jkollu l-imwejjed u s-siġġijiet bħala estensjoni ta’ toqba li għandu! Dan ifisser li hemm postijiet li għandu jkun hemm mwejjed u siġġijiet u hemm postijiet oħra li dawn ma għandhomx ikunu! Iridu neħħu dan is-sens ta’ ‘entitlement’ għal kwalukwe raġuni.
Li jkun hemm sinjali u marki fl-art fejn wieħed għandu l-‘encroachment’ ta’ zoni pubbliċi. F’Mistoqsija Parlamentari li għamilt staqsejt diversi drabi fejn jibda u fejn jispiċċaw numru ta’ ‘encroachments’ u bqajt bla risposta! Joħroġ ċar, li xi wħud mis-seba’ jieħdu l-id u jkabbru l-‘encroachment’ tagħhom.
Filwaqt li matul il-Covid kien hemm talba biex dawn ikabbru l-‘encroachment’ tagħhom u dakinhar kulħadd qabel, imma l-ftehim kien li wara li jgħaddi l-Covid jerġgħu lura fejn kienu! Jidher ċar li dan mhux il-każ u kollox baqa’ fejn kien!
L-Ombusman tkellem ukoll fuq in-nuqqas ta’ infurzar, u hawn hija problema tagħna. Aħna nibżgħu ninfurzaw għax nibżgħu li nitilfu xi voti. Imma rridu nifhmu li jekk mhux se ninfurzaw il-liġijiet, allura nispiċċaw f’ġungla!
U propju għandna din il-problema għax il-Gvern jibza’ li jinfurza u ara fejn qegħdin. Kulħadd sar ‘cowboy’. Kulħadd sar arroganti u ħadd ma jista’ jkellem lil ħadd.
Għandu jkun hemm One Stop Shop
Personalment nemmen ukoll li n-nuqqas ta’ infurzar iseħħ għax ħadd, l-ebda entità pubblika, ma tieħu r-responsabbiltà ta’ dawn l-abbuzi. Dan għaliex meta nitkellmu fuq l-imwejjed u s-siġġijiet hemm frammentazzjoni sħiħa ta’ min hu responsabbli ta’ xhiex.
Fil-fatt, hemm madwar ħames entitajiet pubbliċi li meta wieħed iressaq ilment, jagħmlu bħall-papri u jfarfru minn spallejhom. Fl-fatt, hemm il-Pulizija, hemm l-Awtorità tal-Artijiet, hemm it-Trading Department, hemm l-Awtorità tal-Ippjanar u hemm ukoll l-Awtorità tat-Turiżmu. Dan ifisser ħames ministeri differenti!
Dan xi jfisser? Ifisser minħabba dal-frammentazzjoni, ma jkun hemm l-ebda deċizjoni u kulħadd jibagħtek mingħand Pilatu għal għand Kajfa, kif ngħidu bil-Malti. Għaldaqstant, qiegħed nipproponi li biex neliminaw din il-frammentazzjoni u allura jkun hemm ‘management’ aħjar u verament effikaċi, allura jkun hemm One Stop Shop li jiġbor lil kulħadd u kollox f’entità waħda taħt ministeru wieħed.
B’hekk mhux biss tonqos il-burokrazija għas-sidien ta’ dawn l-entitajiet kummerċjali, għax għandhom kulma jridu taħt saqajf wieħed, imma wkoll ir-residenti li meta dawn iwasslu l-ilmenti tagħhom fuq xi abbuż, ma jispiċċawx jiġru minn ministru għal ieħor.
Nemmen li dan il-One Stop Shop taħt ministeru wieħed għandu jaħdem id f’id mal-Kunsill Lokali, li huma suppost il-Gvern lokali u l-aktar entità li jafu eżattament x’jgħodd u ma jgħoddx għal-lokalità tagħhom. Li wieħed jgħid, kif xi drabi kont nisma’ meta kont Sindku, il-Kunsilli, is-Sindki u l-Kunsillieri ma tistax tħalli f’idejhom huwa insult. Għalhekk nemmen li l-Kunsilli għandhom ikunu parti integrali mid-deċiżjoni u mill-infurzar tal-kundizzjonijiet mogħtija.
Kontra l-abbuż
Ikun żbaljat dak li jaħseb li dan l-artiklu huwa kontra s-sidien tal-kummerċ. Ikun żball ukoll li wieħed jaħseb li r-residenti huma kontra kull attività kummerċjali.
Bħala Deputat u anki r-residenti li qegħdin ngħidu huwa li aħna kontra l-abbuż, kontra minn suba’ jieħu l-id. Il-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora dan l-abbuż aktar u aktar meta l-Gvern jiftaħar li jrid jkun hawn aktar spazji miftuħa.
Ir-residenti tagħna jistħoqqilhom igawdu dak li huwa pubbliku.
Għandna wkoll rapport mingħand
l-Ombudsman, li mhux biss juri
li dil-kwistjoni saret problema
imma anki jagħtina diversi rakkomandazzjonijiet biex nindirizzaw din il-problema
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 27 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

