Raġel ta’ 32 sena, deskritt bħala reċidiv, ingħata l-libertà proviżorja wara li tressaq il-Qorti akkużat b’fastidju u li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq l-eks sieħba tiegħu. Il-Libjan Abdulaziz Mohammed Alamari Zamzam jinsab akkużat li bejn Mejju 2025 u Jannar 2026 repetutament ikkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-mara, kif ukoll li heddidha u insultaha.
Huwa ċaħad ukoll allegazzjoni li f’Jum San Valentinu ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu permezz ta’ madwar 400 telefonata li allegatament prova jgħaddilha ittra ta’ mħabba u fjuri. L-akkużat qed jiffaċċja wkoll diversi akkużi relatati ma’ ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu fi proċeduri oħra li għadhom pendenti.
Ir-relazzjoni bejn il-Libjan u l-vittma kienet diġà ntemmet. Madankollu hija rrapportat li bejn l-10 ta’ Mejju u t-2 ta’ Frar f’każijiet differenti heddidha u aggrediha. Fil-Qorti ngħad li huwa kellu każi oħra pendenti fil-Qorti, inkluż dwar ksur ta’ bail.
Waqt l-arrest tiegħu, l-akkużat kien ċempel lil ħuh. Kienu biss ftit mumenti wara li l-pulizija rċeviet telefonata oħra mill-vittma tgħid li ħu l-akkużat prova jċemplilha biex jikkonvinċiha taħfer. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet li jinkludu depożitu ta’ €1,000, garanzija personali ta’ €8,000 u l-obbligu li jiffirma kuljum fl-għassa tal-pulizija.
L-avukat Nicholas Mifsud deher għall-akkużat, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.
//= $special ?>

