Ir-rivalitá barra mill-pixxina bejn il-klabbs il-kbar tal-waterpolo lokali, qed tkompli iżda issa fuq każ ieħor li kompla joħloq tensjoni u antogoniżmu primarjament bejn il-ġirien San Ġiljan u Neptunes.
Għada s-Sibt, waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-ASA, il-klabb iċ-champions San Ġiljan, se jkunu qed iressqu mozzjoni li l-għan tagħha hu li twaqqaf lill-plejer internazzjonali Malti, Ivan Nagaev milli jilgħab bħala plejer Malti għal Neptunes. Hu mifhum li l-mozzjoni ta’ San Ġiljan ġiet iffirmata minn divers klabbs ewlenin, sintendi bl-eċċezzjoni ta’ Neptunes, li magħhom minn dan l-istaġun beda jilgħab il-plejer li twieled fir-Russja iżda minn Diċembru li għadda kiseb il-passaporti Malti u lagħab fil-Kampjonati Ewropej f’Jannar li għadda li saru fis-Serbja, mat-tim nazzjonali Malti.
Net News hu infurmat li fl-aħħar żviliuppi marbuta ma’ dan il-każ, Nagaev ressaq protest ġudizzjarju kontra l-ASA u l-klabbs membri tagħha wara li San Ġiljan ħadu d-deċiżjoni li jippreżentaw din il-mozzjoni.
Għal dawn l-aħħar snin Nagev lagħab fil-kampjonati lokali bħala plejer barrani, għaliex kien għadu bla passaport Malti. Hu lagħab ma’ Marsaxlokk u Valletta rispettivament. Madankollu wara li kiseb il-passaport Malti, ftit tal-jiem wara, Nagaev, li bħala barrani kien diġà meqjus fost l-aqwa li għandna fil-waterpolo domestiku, aħseb u ara issa li hu Malti, issieħeb ma’ Neptunes bil-ħsieb li jkun jista’ jilgħab fil-kampjonat tas-sajf bħala “home grown” plejer.
Skont ir-regolamenti attwali tal-ASA, kull klabb jista’ jirreġistra plejer barrani wieħed biss. Il-proposta ta’ San Ġiljan tfittex li tiddefinixxi mill-ġdid il-kriterji ta’ eliġibbiltà billi tintroduċi l-kunċett ta’ plejers “home grown”, bl-argument tagħhom ikun dak li dawn il-plejers li jiddefenixxu din id-defenizzjoni, iridu jkunu ħadu sehem f’kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ rikonoxxuti mill-ASA għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ bejn l-etajiet ta’ 12 u 20 sena. Plejers li kienu eliġibbli biex jikkompetu bħala Maltin sal-aħħar tal-istaġun 2025 iżommu l-istatus ta’ home-grown.
Peress li Nagaev ma lagħabx f’kompetizzjonijiet lokali taż-żgħażagħ, skont il-mozzjoni li qed iresqu San Ġiljan, Nagaev ma jkunx eliġibbli bħala plejer “home grown” taħt ir-regola proposta, u għalhekk, f’dan il-każ, kemm-il darba din il-mozzjoni tgħaddi, Neptunes ikollhom jirreġistrawh bħala plejer barrani.
Fil-protest ġudizzjarju tiegħu, Nagaev jargumenta li l-mozzjoni hija diskriminatorja u sproporzjonata, billi ġiet introdotta biss wara t-trasferiment tiegħu lejn Neptunes. Nagaev qed isostni li l-proposta toħloq żewġ kategoriji ta’ ċittadini Maltin — dawk “home-grown” u dawk li mhumiex — u tillimita n-numru ta’ plejers mhux “home grown” permessi fl-ilma f’kull ħin.
It-tim legali ta’ Nagaev hu magħmul mill-avukati Ramona Attard u Arthur Azzopardi. Dawn qed jargumentaw li l-mozzjoni tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fost iċ-ċittadini Maltin.
Jekk tiġi approvata, il-mozzjoni tista’ tistabbilixxi preċedent li jista’ jitqis bħala wieħed serju fl-isport Malti. Dan għaliex fil-passat, jekk sempliċiment nieħdu l-eżempju tal-waterpolo biss, kien hemm każ identiku, fejn plejer imwieled fi Franza, Aurelien Cousin, u li rrappreżenta lil Malta wara li kiseb iċ-ċittadinanza, ma kienx suġġett għal restrizzjonijiet bħal dawn.
Għaldaqstant diversi kritiċi u uffiċjali ta’ klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi differenti f’Malta, u li tkelmu magħna, qalulna li jekk din il-mozzjoni tgħaddi, din se jkollha implikazzjonijiet kbar, mhux biss fuq il-futur tal-logħba tal-waterpolo iżda tal-isport kollu f’pajjiżna.
Uffiċjali ta’ klabbs li jiffurmaw parti mill-amministrazzjoni ta’ klabbs tal-futbol, qed isegwu l-aħħar żviluppi ma’ din il-mozzjoni b’interess kbir, u qalulna li hu fatt magħruf li fil-futbol lokali, attwalment hemm diversi plejers naturalizzati li qed jilagħbu fil-kampjonati lokali bħala plejers “home grown”.
Għaldaqstant, quddiem dan ix-xenarju, irrelevanti x’inhi l-opinjoni li wieħed jista’ jkollu dwar dan il-każ, wieħed jifhem li tabilħaqq li din il-mozzjoni mhux biss mistennija żżid il-klima dejjem sħuna fost il-klabbs tal-waterpolo domestiku, iżda fiħ innifsu l-każ hu wieħed kontroversjali li r-riżultat tiegħu jista’ jbiddel il-mod ta’ kif mil-lum ‘il quddiem, jiġu ddefiniti r-regoli ta’ eliġibbiltà fl-isport Malti u kif jiġu kklassifikati l-atleti naturalizzati fil-kompetizzjonijiet futuri.
Intant f’ittra li kien kiteb il-President tal-ASA, Karl Izzo, ftit jiem biss qabel l-elezzjoni għall-President tal-assoċjazzjoni f’Diċembru li għadda, u li kienet intbgħatet lill-klabbs kollha tal-waterpolo f’pajjiżna, Izzo kien ċaħad allegazzjonijiet li saru fuqu f’dak iż-żmien, meta Nagaev kien għadu fil-proċess li jakkwista l-passaport Malti.
F’Novembru li għadda, Izzo kien għamilha ċara li l-ħidma li kienet qed issir biex Nagaev jinħariġlu l-passaport Malti, kienet “intiża biss biex il-plejer ikun eliġibbli għar-rappreżentanza nazzjonali.”
Fl-ittra, Izzo kien ċaħad li kwalunkwé sforz li kien qed isir biex Nagaev isir Malti, ma kellu ebda ħsieb li jgħin lil xi klabb u kien tenna l-impenn lejn ġustizzja, trasparenza u trattament ugwali fl-isport Malti.
//= $special ?>

