Lokali Qorti

Sentenza sospiża flok 18-il xahar ħabs fuq insulti fil-konfront ta’ ħaddiema soċjali

Is-sentenza ta’ 18-il xahar ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ Donna Spagnol ġiet annullata mill-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras minħabba li kienet waħda eċċessikva. Il-każ kien fuq insulti fil-konfront ta’ ħaddiema soċjali u minn ħabs effettiv il-ħatja ngħatat sentenza sospiża.

Spagnol, fir-rigward tal-piena mill-ewwel Qorti sostniet li s-sentenza mogħtija kienet eċċessiva u sproporzjonata meta mqabbla maċ-ċirkustanzi tal-każ. Hija argumentat li l-Qorti kellha tqis b’mod serju l-element ta’ provokazzjoni bħala fattur mitiganti, b’mod partikolari minħabba li l-omm kienet ġiet rinfaċċjata bit-teħid ta’ wliedha, sitwazzjoni li, skont l-appellanti, ikkawżatilha xokk emozzjonali qawwi.

Hija sostniet li f’dak il-mument tilfet il-kontroll tagħha u ma kinitx f’pożizzjoni li tirrifletti b’mod kalm u raġonevoli fuq il-konsegwenzi tal-aġir tagħha. Barra minn hekk, l-appellanti saħqet li l-Qorti kellha tqis il-kuntest partikolari u sensittiv li fih seħħ l-inċident, inkluż it-tensjoni u l-pressjoni emozzjonali li kienet għaddejja minnhom, u li dawn iċ-ċirkustanzi kellhom iwasslu għal piena aktar ħafifa jew alternattiva.

Il-Qorti tal-Appell qalet iżda li ma tista’ qatt tiġġustifika l-aġir tal-appellanti fil-konfront tal-ħaddiema soċjali, li ġiet imsejħa sabiex tipprovdi s-servizz tagħha fl-interess ta’ wlied l-istess Spagnol. Imweġġa’ kemm kienet imweġġa’, bil-prospett tat-teħid ta’ wliedha mill-kura u l-kustodja tagħha, minflok infexxet fi kliem ħażin u abbużiv fil-konfront tal-istess ħaddiema soċjali, li ċertament m’għenx is-sitwazzjoni tagħha.

L-akkużata messha segwiet il-pariri tal-professjonisti li kienu qegħdin isegwuha, u ħadet l-għajnuna li kienet qegħda tingħatalha, kif jidher ċar mill-kontenut tal-messaġġi in kwisjtoni u mhux tirrifjuta tali għajnuna, u dan wara kollox kemm għall-ġid ta’ wliedha, u finalment għall-ġid tagħha stess.

Il-Qorti kompliet tgħid li ċertament ukoll illi m’huwiex aċċettabbli f’soċjetaˋ ċivilazzata illi l-ħaddiema soċjali, li kienet qegħda toffri l-għajnuna tagħha lill-appellanti, kellha tispiċċa mhedda u nġurjata fil-qadi ta’ dmirijietha. L-appellanti lanqas ma jidher illi skużat ruħha mal-ħaddiema soċjali għal dan l-aġir tagħha.

Madankollu, il-Qorti tal-Appell qieset ukoll mill-banda l-oħra, illi l-fedina penali tal-appellanti hija waħda netta, u illi fiċ-ċirkostanzi tal-każ, il-piena erogata mill-Ewwel Qorti kienet waħda eċċessiva. Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin kontra Spagnol, favur Jillian Spiteri, bl-iskop li tipprovdi għas-sigurtaˋ tagħha, u dan għall-perjodu ta’ tliet snin, b’dan.

Għalhekk illi l-appellanti qed tiġi projbita milli tavviċina b’xi mod jew issegwi lmovimenti ta’ Spiteri, milli taċċedi ġewwa l-fond fejn tirrisjedi, taħdem jew tiffrekwenta, jew milli timmolesta lill-istess Spiteri. Il-multa ta’ €1,000 baqgħet fis-seħħ. Il-Qorti ordnat illi din l-Ordni tiġi kkomunikata lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Donna Spagnol kienet qed tiffaċċja tliet akkużi. L-ewwel akkuża kienet li heddet jew insultat lil Jillian Spiteri, ħaddiema soċjali fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, waqt li din kienet qed twettaq id-dmirijiet tagħha, reat li jaqa’ taħt il-Kodiċi Kriminali dwar theddid jew inġurji fil-konfront ta’ uffiċjal pubbliku.

It-tieni akkuża kienet li għamlet użu mhux xieraq ta’ network ta’ komunikazzjoni elettronika, meta bagħtet messaġġi offensivi u theddid permezz ta’ WhatsApp. It-tielet akkuża kienet relatata ma’ dispożizzjoni oħra tal-liġi dwar komunikazzjonijiet elettroniċi, li tirrigwarda abbuż ta’ sistemi jew apparat tekniku.

L-Ewwel Qorti kienet sabet lil Spagnol ħatja tat-tliet akkużi u kkundannatha għal 18-il xahar ħabs effettiv, multa ta’ €1,000, Ordni ta’ Protezzjoni għal tliet snin favur il-vittma, kif ukoll garanzija personali ta’ €2,000 għal sena sabiex ma tikkommettix reat ieħor.

Meta l-każ wasal quddiem il-Qorti tal-Appell, ġie nnutat li fil-parti operattiva tas-sentenza kien ġie indikat Artikolu 48(d) tal-Kapitolu 399 minflok Artikolu 48(1)(d), dispożizzjoni li fil-fatt teżisti. Skont il-prinċipji tal-liġi kriminali, tali żball jitqies bħala nuqqas sostanzjali li jwassal għan-nullità tas-sentenza kollha. Għalhekk, il-Qorti tal-Appell annullat is-sentenza u pproċediet biex tevalwa mill-ġdid il-provi.

Fil-mertu, il-Qorti sabet li Jillian Spiteri tikkwalifika bħala uffiċjal pubbliku fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha u li l-messaġġi mibgħuta minn Spagnol kienu jinkludu kliem theddid u inġurjuż li seta’ jbeżża’ jew jinfluwenza lill-uffiċjal waqt xogħolha. Għaldaqstant, l-ewwel akkuża ġiet ippruvata.

Fir-rigward tat-tieni akkuża, il-Qorti qalet li l-użu ta’ WhatsApp jimplika l-użu ta’ sistema ta’ komunikazzjoni elettronika u li l-kontenut tal-messaġġi kien offensiv u vvessatorju biżżejjed biex jikkostitwixxi użu mhux xieraq ta’ tali mezz. Din l-akkuża kienet ukoll ġiet ippruvata.

Fl-appell tagħha Spagnol ilmentat li l-Prosekuzzjoni kellha ġġib l-aħjar prova tal-fatt illi Jillian Spiteri kienet persuna nkarigata skont il-liġi minn servizz pubbliku, liema prova, skont l-appellanti, setgħet inġabet biss billi jitressaq bħala xhud il-Kap tad-Dipartiment pubbliku relattiv, jew rappreżentant tiegħu, li
jikkonferma dan bħala fatt.

Tali prova baqgħet ma nġabitx, u għalhekk skont hi, l-Ewwel Qorti ma setgħetx issib lill-appellanti ħatja
talli nġurjat, heddet jew għamlet offiża fuq persuna nkarigata skont il-liġi minn servizz pubbliku. Bl-istess mod, il-Prosekuzzjoni kellha tipprova illi l-appellanti nġurjat, heddet, jew għamlet offiża fuq il-persuna ta’
Jillian Spiteri.

Dan meta din kienet qed tagħmel, jew minħabba li għamlet dan is-servizz, u dan seta’ jsir bix-xhieda tal-Kap tad-Dipartiment pubbliku relattiv, jew rappreżentant tiegħu, li kellu jikkonferma x’kien is-servizz li kienet qed tagħti Jillian Spiteri, liema prova, skont l-appellanti, baqgħet ma nġabitx.

Madankollu, it-tielet akkuża ma ġietx ippruvata, peress li l-artikolu invokat jirreferi għal abbuż tekniku ta’ sistemi jew apparat u mhux għall-kontenut tal-messaġġi nnifsu. Il-Qorti qieset li l-aġir attribwit lil Spagnol ma kienx ta’ natura teknika u għalhekk ma setax jaqa’ taħt dik id-dispożizzjoni.

Il-Qorti tqis illi minkejja illi baqa’ ma xehedx id-Direttur għall-Ħarsien tat-Tfal, jew rappreżentant tiegħu, kif tgħid l-appellanti, madankollu m’hemmx dubju mix-xhieda ta’ Jillian Spiteri stess, illi fiżżmien mertu tal-każ odjern, hija kienet ħaddiema soċjali mal-istess Direttorat.

Dan il-fatt lanqas ma ġie kkontestat mill-appellanti fil-waqt tal-kontro-eżami tagħha lill-istess xhud, u din il-Qorti m’għandha l-ebda raġuni għaliex tiddubitah. In oltre lanqas ma hemm dubju fid-dawl tal-provi prodotti, illi fl-ewwel lok, l-appellanti nġurjat u heddet lil Jillian Spiteri, u illi dan għamlitu bil-ħsieb li tbeżżaġħha jew illi tinfluwixxi fuqha kontra l-liġi fl-eżekuzzjoni tas-servizz tagħha.

M’hemmx dubju, fil-fehma ta’ din il-Qorti, illi l-messaġġi esebiti mill-istess Spiteri quddiem l-Ewwel Qorti, kif mibgħuta lilha tramite WhatsApp, mill-istess appellanti, fil-11 ta’ Awwissu 2022 kienu f’parti inġurjużi, konsistenti fi kliem ħażin dirett lejn Spiteri, liema kliem din il-Qorti ma tqisx illi għandha għalfejn tirrepetih hawnhekk, u f’theddid, bħal per eżempju “jaqbilek tħallini kwieta lili ax int tispicca hażin fhimt ux”
u “…ara ma tersaqx lejn idar tiji biss Ax hazin ikun ghalik”

Messaġġi oħra mibgħuta fis-26 ta’ Awwissu 2022 mill-istess appellanti lil Spiteri ukoll kienu ta’ theddid: “Mela int jekk ha tipqa tibat il nies min takom wara il bieb tiji hazin ghalik”, “jaqbilek tibza mini ukoll”, “lil halini kwieta ax flahhar taqbizli u intom tbatu miji”, “Lina huluna kwieti u jaqbilek idahala go mohhok din qabel tinqala xi tracedja kbira ok …” L-Ispettur Roderick Spiteri mexxa l-prosekuzzjoni.
9
.


,