Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara theddid lill-eks sieħba

Raġel ta’ 26 sena ammetta fil-Qorti li kkawża lill-eks sieħba tiegħu biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontriha, u ngħata sentenza ta’ disa’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar.

L-Ispettur Carlos Cordina spjega li r-raġel kien tqiegħed fuq lista ta’ persuni ta’ interess wara li ma setax jinstab, wara rapport li ressqet l-eks sieħba tiegħu fejn allegat li heddidha u insulentaha.

Aktar tard huwa kkuntattja lill-pulizija permezz tal-avukati tiegħu u deher fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija nhar il-Ġimgħa filgħodu, fejn ġie arrestat u mressaq il-Qorti aktar tard dakinhar stess dwar l-inċident li seħħ fis-16 ta’ Novembru.

Huwa ġie mixli li kkawża lill-eks sieħba tiegħu tibża’ li setgħet tintuża vjolenza kontriha, kif ukoll b’theddid u insulti. Il-mara għaddiet minn risk assessment li wera li kienet tinsab f’periklu estrem”. Matul is-smigħ, il-partijiet resqu lejn il-bank tal-Maġistrat biex jiddiskutu l-każ fil-privat. L-imputat ingħata ħin biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, li eventwalment ikkonferma.

Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Avukat Franco Debono enfasizza li l-klijent tiegħu kkollabora bis-sħiħ mal-pulizija u li r-relazzjoni kienet intemmet, u talab li tingħata l-inqas piena prevista mil-liġi. Il-Maġistrat Nadia Helena Vella kkundannatu għal disa’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar u ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur il-mara.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Carlos Cordina, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri assistew lill-imputat.