Il-Kap tal-Partit ewlieni Spanjol fl-Oppożizzjoni ħeġġeġ biex l-eks-Re ta’ Spanja Juan Carlos jirritorna pajjiżu — snin wara li hu kien impona stat ta’ eżilju fuqu nnifsu wara li spiċċa mċappas ma’ numru ta’ skandli.
Is-sejħa biex ir- Re Emeritus jirritorna lura Spanja tibbaża fuq l-għarfien tar-rwol tiegħu, kważi 50 sena ilu, biex Spanja tirritorna għal demokrazija wara snin taħt id-dittatorjat tal-faxxista Francisco Franco.
Sadanittant, Alberto Núñez Feijóo, il-Kap tal-Partit Popolari (PP) konservattiv, qal li r-Re Emeritus Spanjol irrikonoxxa l-iżbalji tal-passat u li l-poplu għandu jibqa’ grat lejh talli salva u sostna d-demokrazija u l-livell attwali ta’ libertà li qed igawdu, illum, l-Ispanjoli. Núñez Feijóo awgura li Juan Carlos ikun jista’ jgawdi l-aħħar snin ta’ ħajtu fid-dinjità u bħala residenti f’pajjiżu.
L-eks-Re Juan Carlos, li għandu 88 sena, kien assuma t-tron fl-1975 wara l-mewt ta’ Francisco Franco. Intant, hu kien strumentali biex Spanja, minn dittatorjat, taqleb għal demokrazija taħt Parlament ġdid u fejn hu għen ukoll biex il-pajjiż, fl-1981, ixejjen attentat għal kolp ta’ stat mill-entitajiet li kienu jappoġġjaw lil Franco.
Sadanittant, ir-Re, fl-2014, iddeċieda li jabdika mit-tron, sentejn wara li sar magħruf li hu kien mar għall-kaċċa għall-iljunfanti fil-Botswana flimkien mas-sieħba tiegħu u fiż-żmien ta’ kriżi ekonomika fi Spanja.
Hu kien ukoll involut fi skandlu ieħor fejn inqabad li rċieva pagament ta’ madwar 80 miljun ewro mingħand l-eks-Re tal-Arabja Sawdija …Dan ukoll meta sar magħruf li Juan Carlos kellu kont sigriet offshore fil-gżira ta’ Jersey.
Intant, kien f’Awwissu tal-2020 li Juan Carlos telaq minn pajjiżu lejn l-Emirati Għarab u fejn ilu jgħix minn dak iż-żmien.
//= $special ?>

