Wara snin ta’ tkaxkir tas-saqajn sa mill-2013, il-Gvern qed jipprova jħares b’viżjoni fit-tul. U Robert Abela preżenta dak billi għamel show sħiħ fi Pjazza Tritoni.
Dan hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija l-Gvern nieda l-Viżjoni tiegħu sal-2050.
Madanakollu, waqt briefing li ngħata lill-ġurnalisti minn Ronald Mizzi l-Ġimgħa waranofsinhar, hu ma kienx kapaċi jagħti stima ta’ kemm il-viżjoni li jrid iwettaq il-Gvern se tiġi tiswa. Dan għaliex skont hu għadu wisq prematur minkejja li b’mod awtomatiku din il-viżjoni b’mod komplet kienet tal-inqas mistennija li tkun waħda costed.
Mizzi qal li l-istruttura fi Pjazza Tritoni se tkun qiegħda fil-post għat-tlett xhur li ġejjin għal esperjenza immersiva….iżda anke dwar din il-blokka, ma jafux jgħidu kemm se tiġi tiswa’.
Infieq li Mizzi ma kellux lanqas dwar kemm ġiet tiswa l-attività tal-Ġimgħa filgħaxija hekk kif mistoqsi mill-ġurnalisti intqal illi il-Gvern fil-budget diġà alloka €4.5miljun – inkluż l-istudji. Madanakollu ma riedx jintrabat jekk dan l-ammont inqabiżx jew le.
Ħareġ ukoll li minkejja l-viżjoni fit-tul, m’hemm l-ebda studju dwar kemm hija mbassra li tiżdied il-popolazzjoni fil-Gżejjer Maltin, minkejja t-tħassib serju li kien wera l-Ministru Clyde Caruana 5 xhur ilu f’dikjarazzjonijiet xokkanti.
Filwaqt l-Bank Ċentrali bassar li jekk nibqgħu sejrin b’din ir-rata, il-popolazzjoni Maltija, sal-2050, se tonqos b’14%, filwaqt li l-workforce f’pajjiżna se tkun magħmulha 46% minnha mill-barranin – Ronald Mizzi saħaq li l-mira hi li l-fertilità f’pajjiżna tiżdied bi ftit sal-2035, minn indiċi ta’ 1.06 sa 1.3.
B’rabta mal-identità u l-lingwa Maltija ntqal illi għaddejja ħidma mal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti biex tiġi ppreservata l-lingwa Maltija; ironikament … waqt laqgħa għall-ġurnalisti li saret bl-Ingliż
Nuqqas ta’ numri u tbassir tanġibbli anke fir-rigward ta’ karozzi fit-toroq – hekk kif minkejja l-viżjoni fis-sigurtà tat-toroq u mobilità…m’hemmx data u forecasts b’rabta ma dak li huwa mistenni fl-24 sena li ġejja.
Ronald Mizzi kkonċeda l-fatt li f’ċertu setturi għandhom nuqqas ta’ data u li din hija xi ħaġa li trid tiġi indirizzata.
Għad-domanda dwar kemm –il skola ġdida huma mbassrin li jinbnew fl-24 sena li ġejja…ingħad li l-importanza mhux l-infrastruttura imma l-edukazzjoni persè.
B’rabta maż-żieda fil-livell tal-baħar, intqal illi dan se jkun qiegħed jiġi indirizzat bi proġetti varji. Dan filwaqt li għad-domanda dwar kif se jilħqu climate neutrality sal-2050, kif mistenni mill-Green Deal Ewropew, intqal li għaddejja ħidma biex din il-mira tintlaħaq. Dan hekk kif sa 24 sena oħra l-emmissjonijiet greenhouse iridu jitnaqqsu kważi sa zero.
Rigward it-trasport tal-massa, li issa qed jissejjaħ Mass Transit – ma ġie żvelat assolutament xejn għajr li se jkun qed jitkellem fuq dan il-proġett il-Ministru Chris Bonett fil-ġimgħat li ġejin.
Wara 13-il sena fil-Gvern, il-Labour qed jirriċikla l-viżjoni tiegħu; fosthom investiment fl-Isptar San Luqa kif ukoll fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex – wegħdiet li issa ilna nisimgħu s-snin, filwaqt li mbotta proġetti bħal Parks tal-White Rocks, Manoel Island u Fort Campbell.
Dan filwaqt li se jesploraw il-possibiltà ta’ turbini tar-riħ jew pannelli solari f’wiċċ il-baħar – xi ħaġa li wkoll ilna nisimgħu ‘il fuq minn deċenju.
Issemmgħu fost oħrajn ix-xogħlijiet fuq il-Port tal-Imġarr, il-Heliport tax-Xewkija u x-xogħol li qed isir fl-ajruport – fatti li nafuhom kollha.
Ġie preċiżat li sal-2030 huwa mmirat li f’Malta t-turisti se jiżdiedu għal 4.5 miljun, madanakollu meta nġibdet l-attenzjoni li din is-sena huwa mbassar li t-turisti diġà jafu jiżdiedu għal 4 miljuni…intqal illi it-tir huwa li ma tibqax tiġi ffokata fuq il-kwantità iżda se jduru fuq il-kwalità. Fuq il-karta, il-viżjoni hija waħda li hija mibnija fuq 4 pilastri ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli, sistema ta’ edukazzjoni moderna u użu intelliġenti tal-art u baħar; madanakollu tonqos milli twieġeb numru ta’ domandi fosthom – x’hemm ġdid li mhux diġà smajna għal numru ta’ snin, kif se jkunu qed jitwettqu u aktar minn hekk kemm se jiġi jiswa’ dan kollu?
//= $special ?>

