Sport

Fabio Spiteri u Haley Bugeja jisirqu x-xena fis-66 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali 2025

Haley Bugeja u Fabio Spiteri r-rebbieħa taż-żewġ kategoriji prinċipali u ewlenin tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali.

Fabio Spiteri u Haley Bugeja rebħu l-akbar żewġ unuri fis-66 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali li saru llejla. Spiteri, sar wieħed mill-atleti veterani, jekk mhux l-aktar, li qatt rebħu dan l-unur prestiġjuż, l-għola wieħed għal atleta fl-isport lokali, fl-etá ta’ 51 sena.

Spiteri ġej mid-dixxiplina tat-Triathlon, u matul l-2025, hu kellu sena mill-aqwa li issa ġiet kumplimentata bir-rebħ tal-Isportiv tas-Sena wara li f’Diċembru li għadda kien ingħata ‘Ġieħ ir-Repubblika’. Fost l-oħrajn matul is-sena li għaddiet, Spiteri kien irnexxilu jikseb it-tieni post straordinarju fit-Taiwan Deca Triathlon; kisba li tirrifletti mhux biss reżistenza atletika eċċezzjonali, iżda wkoll il-qalb u l-passjoni wara l-isforz. Spiteri hu l-ewwel atleta tat-Triathlon li qatt rebaħ dan l-unur.

Il-plejer femminili tal-futbol li tilgħab ma’ Inter, Haley Bugeja rebħet l-unur tal-Isportiva tas-Sena għat-tieni darba fil-karriera sportiva tagħha, reġgħet rebħet dan l-unur sitt snin wara l-ewwel darba tagħha. Hi waqfet dominju ta’ żewġ edizzjonijiet konsekuttivi li matulhom fl-aħħar s fis-sentejn, ir-rebbieħa tal-Isportiva tas-Sena dejjem kienet Tenishia Thornton fil-Weightlifiting.

Iċ-champions tal-futbol Malti, Ħamrun Spartans rebħu l-unur tat-Tim tas-Sena għat-tieni darba ukoll. Huma kienu għamlu dan l-ewwel fl-2022.

Il-kowċ ta’ Ħamrun Spartans, Giacomo Modica rebaħ l-unur tal-kowċ tas-sena, biex sar ir-raba’ kowċ tal-futbol li rebaħ dan l-unur matul iż-żmien, b’tlieta minnhom ikunu Taljani. L-ewwel Taljan kien Devis Mangia u qabel Modica, kelna lill-kowċ tan-nisa, Maniela Tesse li kienet naqxet isimha fost ir-rebbieħa ta’ dan l-unur.

Ir-referee tal-FIFA, Ishamel Barbara sar ir-raba’ referee tal-futbol li rebaħ l-unur tal-uffiċjal tas-sena. Qabel Barbara, it-tlieta l-oħra kienu Adrian Casha, Clayton Pisani u Esther Azzopardi.

L-unur taż-żagħżugħha tas-sena intrebħet minn Sophie St John fil-Ġinnastika Artistika. Jacob Micallef rebaħ l-unur taż-żagħżugħ tas-sena, wara sena pożittiva mhux ftit fil-motorsport.

Intant fil-Ġinnastika Artistika kelna ukoll ir-rebħ tal-Peopke’s Choice Awards, meta l-atleta magħżula kienet Julia Galea.