Sport Waterpolo

Ivan Nagaev se jitqies bħala plejer barrani fil-Kampjonati tal-ASA minkejja li kiseb passaport Malti

B’seba’ voti favur, tnejn kontra, li wieħed minnhom kien ta’ Neptunes, li jilgħab magħhom Ivan Nagaev, u tliet astensjonijeit, waqt il-laqgħa straordinarja li saret is-Sibt mill-ASA, kienet mressqa u għaddiet l-proposta li ressqu San Giljan dwar l-eligibilita’ ta’ Ivan Nagaev, li kiseb il-passaport Malti f’Diċembru li għadda wara li kien ilu jilgħab hawn Malta għal diversi snin ma’ Marsaxlokk u ma’ Valletta bħala plejer barrani.

Nagaev kiseb il-passaport Malti u seta’ jilgħab fil-kampjonati Ewropej li saru fis-Serbja mat-tim Malti fejn kien wieħed mill-aħjar elementi li kellha l-iskwadra Maltija. L-argument li ressqu San Giljan kien li Nagaev ma jistax jilgħab fil-Kampjonati organizzati mill-ASA bħala plejer Malti minħabba l-fatt li m’huwiex home-grown, bid-defenizzjoni interpretata minn San Giljan tkun li plejer irid ikun lagħab għal ċertu ammont ta’ snin fil-livell tal-youths.

Hekk kif Nagaev ma lagħbx f’livell tl-youths, il-mozzjoni mressqa minn San Giljan għaddiet u jfisser li Nagaev fil-Kampjonat Malti se jkun qed jitqies bħala plejer barrani minkejja li għandu l-passaport Malti u wieħed jista’ jgħid li nħoloq preċedent għaliex fil-passat ma kienx l-istesss fil-każ ta’ Aurelien Cousin, li kien qaleb iċ-ċittadinanza biex jilgħab mat-tim nazzjonali Malti.

Fl-aħħar jiem sirna nafu li Nagaev se jkun qed iressaq protest ġudizzjarju ta’ diskrimnazzjoni fil-konfront tiegħu kontra l-ASA u l-clubs kollha tal-waterpolo u hu mifhum li dak li ġie deċiż illum, jekk se jibqa’ kif inhu, jista’ joħloq bidla fil-mod ta’ kif inħarsu lejn il-plejers li ma twieldux Malta iżda ġabu il-passaport Malti, u li lagħbu fi kwalunkwe assoċjazzjoni, inkluż dik tal-futbol, bħala plejers Maltin home-grown, u mistennija jkun hemm xi forma ta’ riperkussjonijiet wara dan il-vot.