Internazzjonali

L-Istati Uniti u Iżrael jwettqu sensiela ta’ attakki fl-Iran

Ritratt: Reuters

Fl-aħħar sigħat Iżrael ikkonferma li wettaq sensiela ta’ attakki fl-Iran b’rappporti internazzjonali qalu li nstemgħu l-isplużjonijiet f’ħames ibliet differenti madwar l-Iran.

Apparti minn hekk, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ikkonferma li l-Istati Uniti kien involut fl-attakk flimkien ma Iżrael. Infatti permezz ta’ filmat fuq il-midja socjali huwa qal li l-Istati Uniti bdiet b’sensiela ta’ attakki maġġuri fl-Iran dan wara li matul id-diskussjonijiet li saru ma ntlaħaq ebda qbil.

Donald Trump qal ukoll li din l-operazzjoni militari fl-Iran se tkun qed issir mill-ajru kif ukoll mill-baħar.

Ir-rapporti qalu wkoll li s-Sibt filgħodu bdew jindaqqu s-sireni f’Iżrael dan hekk kif kollox qed jindika li l-Iran ħa jwettaq attakk bil-missili ballistiċi.

Għaldaqstant, il-Prim Ministru tal-Iżrael Benjamin Netanyahu kkonferma l-attakk fl-Iran dan filwaqt li qal din l-operazzjoni qed issir bil-għan li titneħħa t-theddia tar-reġim terroristiku fl-Iran. Huwa saħaq ukoll li dan ir-reġim terroristiku fl-Iran m’għandux ikun armat bl-armi nukleari – armi li huma ta’ theddida għall-umanità.

Fi żviluppi oħra, l-ambaxxata tar-Renju Unit f’Doha wissiet liċ-ċittadini Ingliżi fil-Qatar li wara l-attakki tas-Sibt filgħodu infetaħ xelter dan filwaqt li r-Renju Unit neħħa l-istaff diplomatiku tiegħu mill-Iran għas-sigurtà tagħhom.