Lokali

“L-aktar sinjali importanti mhumiex dawk li jagħmlu spettaklu”

Din il-ġimgħa, saret quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla fil-gradwazzjoni tal-istudenti li lestew kors post-graduate fl-Università ta’ Malta – ċerimonja li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Fil-quddiesa l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, b’referenza għall-Evanġelju ta’ San Luqa fakkar lill-gradwati preżenti li “l-aktar sinjali importanti mhumiex dawk li jagħmlu spettaklu. L-aktar sinjal qawwi huwa l-ħajja li intom tgħixu, waqt li issa taqdu l-professjoni tagħkom”.

Semma erba’ sinjali fundamentali li għandhom jikkaratterizzaw il-ħajja tagħhom:

  • Is-sinjal tal-onestà – “F’dinja fejn l-informazzjoni falza tinfirex malajr u s-superfiċjalità spiss tirbaħ, il-formazzjoni tagħkom issejħilkom għal xi ħaġa tassew profonda: l-onestà… L-onestà mhijiex biss li tevita imġiba akkademika ħażina. Hija umiltà intellettwali. Hija li tirreżisti t-tentazzjoni timmanipula data għal interess personali. Hija li ma tgħawwiġx ir-realtà kif jaqbillek, biex tħossok komdu. Soċjetà mibnija fuq nofs veritajiet u narrattivi selettivi tispiċċa tfarrak il-persuni u tnawwar lilha nnifisha. Soċjetà mibnija fuq tfittxija onesta tal-verità tibqa’ soda.”
  • Is-sinjal tal-integrità – L-integrità tfisser “meta min int fil-moħbi jaqbel ma’ min tidher fil-pubbliku… L-integrità xi kultant se tiswa prezz. Tista’ tiswa opportunitajiet, promozzjonijiet jew popolarità. Imma mingħajr integrità, is-suċċess ikun vojt… Il-kwalifika tagħkom tagħtikom kompetenza; l-integrità tagħtikom kredibbiltà.”
  • Is-sinjal tal-kreattività – “Il-kreattività mhijiex biss talent artistiku. Hija l-kuraġġ biex tfassal soluzzjonijiet fejn oħrajn jaraw biss problemi. Hija innovazzjoni mmexxija mill-etika. Hija riċerka animata mill-kompassjoni… Għarfien mingħajr kreattività jistaġna. Kreattività mingħajr etika tista’ teqred. Intom msejħin tgħaqqdu t-tnejn – il-kreattività mal-etika.”
  • Is-sinjal tas-servizz – L-edukazzjoni hija privileġġ li mhux kulħadd għandu aċċess għaliha. Hija wkoll responsabbiltà. “L-aqwa kejl tas-suċċess tagħkom mhux ir-rikonoxximent li tirċievu, imma l-ħajjiet li jitjiebu għax intom ħadtu ħsiebhom”, speċjalment tal-aktar vulnerabbli.

Fl-aħħar tal-omelija, l-Isqof Galea Curmi appella lill-gradwati biex jagħrfu r-responsabbiltà tagħhom f’soċjetà li fiha se jiltaqgħu “ma’ realtajiet ta’ polarizzazzjoni, korruzzjoni, kilba għall-flus, inugwaljanzi, degradazzjoni ambjentali u telf ta’ fiduċja. L-eċċellenza akkademika waħedha ma tfejjaqx dawn il-feriti. Imma gradwati b’sens etiku u b’qalb ta’ servizz jistgħu jagħmlu differenza. L-istedina tiegħi lilkom hija biex tagħrfu bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħkom… U jalla intom, fil-ġenerazzjoni tagħkom, issiru s-sinjal ħaj ta’ dak li verament jagħti sens lill-ħajja.”