Matul il-jum tas-Sibt, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV ħatar lill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Wojciech Załuski, Arċisqof Titulari ta’ Diocleziana bħala n-Nunzju Appostoliku l-ġdid għal Malta. Fil-preżent huwa n-Nunzju Appostoliku għall-Malażja, Timor Leste u Delegat Appostoliku fil-Brunei Darussalam.
Mons. Wojciech Załuski twieled fir-raħal ta’ Załuski-Lipnewo fil-Polonja fil-5 ta’ April 1960. Ġie ordnat saċerdot fl-1 ta’ Ġunju 1985 fid-Djoċesi ta’ Łomża fil-Polonja. Għandu dottorat fil-Liġi Kanonika.
Fl-1 ta’ Lulju 1989 ingħaqad mas-Servizz Diplomatiku tas-Santa Sede u serva f’dawn in-Nunzjaturi Appostoliċi: il-Burundi, Malta, l-Albanija, iż-Żambja, is-Sri Lanka, il-Georgia, l-Ukrajna, il-Filippini u l-Gwatemala.
Fil-15 ta’ Lulju 2014 inħatar bħala Nunzju Apolostiku għall-Burundi u Arċisqof titulari ta’ Diocleziana. Fid-29 ta’ Settembru 2020 inħatar Nunzju Appostoliku għall-Malażja, Timor Leste u Delegat Appostoliku tal-Brunei Darussalam.
Mons. Wojciech Załuski, bħala rappreżentant tal-Papa, għandu r-responsabbiltà li jirrappreżentah mal-Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll mal-awtoritajiet ċivili. Huwa wkoll id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għar-Repubblika ta’ Malta. Id-dmir tiegħu hu li jkun ta’ għajnuna għall-Isqfijiet, isaħħaħ l-għaqda mas-Sede Appostolika u jmexxi ’l quddiem ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Gvern ta’ Malta.
//= $special ?>

