Lokali Opinjoni

Opinjoni: IL-LABOUR F’KONFLITT KONTINWU MAL-ĠUDIKATURA

Involuti erbgħa mill-aħħar ħames mexxejja tal-Labour

Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument

F’dawn l-aħħar 60 sena, ir-relazzjoni bejn il-Partit Laburista u l-Ġudikatura Maltija tista’ tinġabar f’żewġ kelmiet: KONFLITT KONTINWU, konflitt minn naħa waħda, jiġifieri min-naħa politika, prinċipalment mil-Leaders tal-Labour. Bl-eċċezzjoni ta’ Alfred Sant, l-erba’ Leaders l-oħra, jiġifieri Dom Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Joseph Muscat, u Robert Abela, kollha kienu involuti f’attakki diretti – bosta drabi ħorox ħafna – kontra xi Mħallef jew Maġistrat tul it-tmexxija tagħhom. Sfortunatament, il-mexxej attwali tal-Labour żied id-doża sa ma proprju fl-aħjar jiem, din wasslet għal kriżi serja ħafna.

FI ŻMIEN DOM MINTOFF

• Fl-ewwel każ ċelebri wara li l-MLP tela’ fil-gvern fl-1971, partitarji Laburisti attakkaw id-dar tal-Imħallef Maurice Caruana Curran, li kien ippresieda l-ġuri tal-Eks Ministru Alexander Cachia Zammit li kien liberat unanimament mill-ġurija.
• Każ ieħor gravi kien meta l-Gvern ta’ Mintoff, f’Settembru 1976, bidel żewġ Imħallfin – Maurice Caruana Curran u Victor Sammut – proprju f’nofs is-smigħ ta’ kawża li kienu qed jisimgħu li fiha l-Partit Nazzjonalista kien qed jitlob li jitħassar ir-riżultat tal-elezzjoni fis-7 Distrett minħabba corrupt practices.

TAĦT KARMENU MIFSUD BONNICI

Fi żmien Karmenu Mifsud Bonnici, l-ewwel bħala Deputy Leader u, imbagħad, bħala Mexxej tal-Labour, seħħew ġrajjiet koroh ħafna mhux biss f’dimostrazzjonijiet li spiċċaw f’attakki vjolenti fil-bini tal-Qorti u li kkawżaw ħsarat mhux żgħar iżda wkoll konfronti diretti ma’ ġudikanti. X’aktarx li l-agħar każ kien meta Karmenu Mifsud Bonnici nnifsu ressaq riżoluzzjoni fil-Parlament biex l-Imħallef Carmelo Scicluna ma jibqax jisma’ l-każ dwar l-Iskejjel tal-Knisja fis-sajf tal-1984. L-Imħallef tant spiċċa taħt pressjoni li kellu jirrikuża ruħu.

TAĦT JOSEPH MUSCAT U ROBERT ABELA

Il-qilla ta’ Joseph Muscat, fil-verità, ħarġet kollha wara li kellu jirriżenja f’ċirkustanzi eċċezzjonali marbutin mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Infatti kien ftit wara li nfetħet inkjesta dwar il-maniġġi li seħħew fil-każ tat-tliet sptarijiet lil Vitals/Steward Healthcare. Joseph Muscat fetaħ kampanja pressanti u qalila kontra l-Maġistrat Gabriella Vella li kienet qed tmexxi din l-inkjesta b’dikjarazzjonijiet pubbliċi segwiti b’insulti u theddid minn partitarji Laburisti fuq il-midja soċjali.
Hawn issa jidħol il-Prim Ministru attwali Robert Abela. Hu wkoll issieħeb fl-attakk pubbliku persistenti kontra l-Maġistrat Vella.
• Iżda Robert Abela għandu wkoll more than his fair share ta’ dan l-attakk kontinwu fuq il-ġudikatura. Fil-każ tal-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia sentejn ilu, hu qabad u semma lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia u akkużaha li kienet qed tmexxi l-inkjesta bil-mod ħafna… u dan meta kellha quddiemha xogħol delikat ħafna li kien jinkludi kumplikazzjonijiet li jieħdu ż-żmien biex ikunu investigati kif jixraq. Il-Maġistrat, imbagħad, puntwalment kienet imżeffna fl-arena mdardra tal-midja soċjali minn partitarji Laburisti li żebilħuha bla tarf.
• U naturalment, il-premju għall-aktar każ BLA PREĊEDENT f’din is-serje ma taqta’ xejn ta’ konfronti tal-Labour kontra l-Ġudikatura jirbħu l-aktar każ riċenti, dak ta’ din il-ġimgħa, li fih l-Imħallef Wenzu Mintoff, f’email lill-Prim Ministru Robert Abela, elenka ġrajjiet xokkanti li, allega, seħħew fil-konfront tiegħu.
Din mhix lista kompluta. Kieku jissemmew il-konfronti kollha kieku ridt gazzetta sħiħa. Hawn, iżda, numru ta’ każi biżżejjed biex tassew isaħħu l-argument li l-Labour ma jemminx ġenwinament fis-separazzjoni tal-poter bejn il-ġudikatura u l-eżekuttiv. U din, ċertament, ma tistax tissej-jaħ demokrazija, kemm fil-fatt kif ukoll fl-ispirtu.
Pajjiżna ma jixraqlux dan.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tas-Sibt 28 ta’ Frar, 2026.